Sport Sport Ieħor

L-ASMK se torganizza l-ħames attività tal-Autocross

James Zahra fuq Sherco rebbieh tal-ġurnata

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ser tkompli bl-attivitajiet fil-Kumpless Sportiv ta’ Ta’ Qali.

Hekk kif se torganizza l-ħames attività mill-KampjonatNazzjonali bil-Karozzi Autocross Standard u Modified. Din l-attività tibda f’nofsinhar.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn ħafifa il-klassifiki tal-Autocross, fil-Kampjonat nazzjonali fil-Klassi Modified Gordon Johnson fuq Opel Corsa qed ikompli jibni vantaġġ wara li irreġistra tliet rebħiet minn erba’ attivitajiet li diġà saru.

Johnson qinsab fil-quċċata tal-klassifika b’99 punt u hu segwit minn Philip Joe Vella fuq Opel Corsa b’87 punt. Fit-tielet post hemm Karl Micallef fuq Ford Fiesta filwaqt li fir-raba’ post hemm Terence Azzopardi fuq Opel Corsa b’64 punt.

Fil- Klassi B Modified Noel Zammit fuq Fiat Punto qiegħed fil-quċċata tal-klassifika b’17-il punt u hu segwit minn Keith Borg fuq Vauxhall Nova b’12 il-punt. Fit-tielet post insibu lil Melo Zammit u Terence Azzopardi it-tnejn fuq Opel Corsa b’10 punti kull wieħed.

Fil-Klassi Autocross Standard hemm taqtigħa bejn erba’ kompetituri fejn Ian Fenech fuq Citroen AX qigħed l-ewwel fil-klassifika bi 30 punt u hu segwit minn Deane Farrugia fuq Citroen AX b’27 punt. Fit-tielet post hemm Karl Scicluna fuq Peugeot 106 bi 23 punt filwaqt li fir-raba’ post hemm Nicovich Chircop fuq Peugeot 206 bi 22 punt.

Attività f’Għawdex
Intant nhar il-Ħadd li għadda ġiet organizzata ir-raba’ attivita mill-Kampjonat Nazzjonali Enduro li saret f’Għawdex.Fil-Barriera tal-Qassis f’Ħondoq ir-Rummien ġiet iffurmata korsa għall-muturi Enduro. F’din il-korsa twila tliet kilometri ikkompetew 16 il-kompetitur.

Fi Klassi B James Zahra fuq mutur Sherco irreġistra l-aħjar ħin ta’ tliet minuti 54.11 sekondi u kien segwit minn Bernard Sammut fuq mutur KTM b’ħin erba’ minuti 24.40 sekondi. Fit-tielet post spiċċa Joseph Scicluna fuq mutur KTM b’erba’ minuti 37.17 sekondi.

Fi Klassi A, ta’ muturi bil-magni iżgħar Krist Falzon fuq mutur Honda iddomina din il-klassi bl-aħjar ħin tiehu ta’ sitt minuti 45.14 sekondi. Fit-tieni post spiċċa Gabriel Muscat fuq mutur Honda CRF b’ħin ta’ seba’ minuti 46.31 sekondi waqt li fit-tielet post spiċċa James Grima fuq mutur KTM b’ħin ta 11 il-minuta 26.70 sekondi.

Fi Klassi Ċ li fiha hemm muturi Trials kienet iddominata minn sewwieqa Għawdxin. Renato Mizzi fuq mutur Beta 250cc rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ sitt minuti 17.82 sekondi u kien segwit fit-tieni post minn Matthew Cauchi fuq mutur Beta 290cc b’ħin ta’ tmien minuti u 26.43 sekondi.

L-Attivitajiet f’Għawdex ikomplu nhar il-Ħadd 2 ta’ April mis-sezzjoni Trials fejn l-ASMK ser tkun qed torganizza t-tielet attività li se ssir f’Ħondoq ir-Rummien. L-attivita tibda fl-10. 00am u
aktar informazzjoni wiehed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt.