Il-Malta Employers Association (MEA) fi stqarrija uriet it-tħassib tagħha dwar l-inġaġġ ta’ 150 fitter mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u qalet li filwaqt li hu dubjuż li dawn il-persuni se jkunu impjegati b’mod prodiuttiv mal-WSC, ħafna minnhom ittieħdu mis-settur privat minħabba li kważi m’hemmx fitters fil-lista ta’ dawk qegħda.
L-MEA kompliet li dan l-eżodu ta’ riżorsi umani mis-settur privat qed iwassal għal inflazzjoni artifiċjali tal-paga minbarra li jżid id-domanda għall-ħaddiema barranin biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ nies ta’ ħila.
L-Assoċjazzjoni qalet li l-kompetizzjoni fis-suq tax-xogħol tista’ tkun tajba minħabba li tinkoraġixxi l-mobbiltà tal-ħaddiema u toffri lill-impjegati l-prospett ta’ klundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Madankollu, l-employers fis-settur privat ma jistgħux jikkompetu mal-wegħdiet ta’ pakketti finanzjarji u ta’ sigħat ta’ xogħol laxki li huma finanzjati mit-taxxi tal-poplu.
L-MEA qalet li filwaqt li tirrikonoxxi li kull organizazzjoni tista’ twettaq eżerċizzju ta’ inġaġġ ta’ ħaddiema skont il-miri tar-riżorsi umani u tan-negozju tagħha, f’każi bħal dawn il-Korporazzjoni għandha tispjega għala kien meħtieġ l-impjieg ta’ dawn il-persuni, il-kriterji tal-għażla u l-kwalifiki tan-nies magħżula.
L-MEA temmet li l-pajjiż għandu jitgħallem mill-esperjenzi tal-imgħoddi li settur pubbliku mgħobbi b’ħafna nies u inefiċċjenti jwassal għal deficits fiskali mhux sostenibbli li jistgħu jwasslu biex l-ekonomija ma tilħaqx il-potenzjal tagħha.
//= $special ?>