Il-midfielder ta’ Valletta Rowen Muscat u d-difensur ta’ Floriana Jurgen Pisani mhux se jkunu disponibbli għall-konfront validu mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li għandha Malta kontra s-Slovakkja.
Dan minħabba li huma jinsabu mweġġgħin. Muscat kien weġġa’ waqt li kien qed jilgħab għal Valletta u ma rkuprax filwaqt li Pisani weġġa’ nhar it-Tnejn li għadda waqt sessjoni ta’ taħriġ tat-tim nazzjonali.
Dawn iż-żewġ plejers kienu mgħajta mill-kowċ Pietro Ghedin biex jiffurmaw parti mill-iskwadra proviżorja u issa la darba se jkunu neqsin wieħed irid jara jekk Ghedin hux se jsejjaħ żewġ plejers oħra biex jimlew il-post vakant.
Intant, il-21 plejer li bħalissa hemm fl-iskwadra komplew bil-preparazzjonijiet tagħhom għal logħba ta’ nhar il-Ħadd li ġej li se tintlagħab f’Ta’ Qali. Wara erba’ konfronti Malta s’issa ma ġabru l-ebda punt u skurjaw biss darba u jinsabu fl-aħħar post ta’ Grupp F. Minn naħa tagħhom is-Slovakkja jinsabu fit-tielet post tal-grupp b’sitt punti, erbgħa inqas mill-Ingliżi li qegħdin jokkupaw l-ewwel post tal-grupp.
Fl-aħħar ħarġa tagħhom is-Slovakki ġabu fix-xejn lil Litwanja meta rebħulhom 4-0 filwaqt li Malta, f’Novembru li għadda tilfet 1-0 f’Ta’ Qali kontra s-Slovenja li rebħu grazzi għall-gowl ta’ Verbic.
Plejers li ingħaqdu mal-kumplament tal-iskwadra kienu l-attakkant Andrè Schembri li jilgħab mal-klabb ta’ Boavista u d-difensur ta’ Arezzo Zach Muscat, il-winger ta’ Luton Town Luke Gambin u d-difensur ta’ Dover Athletic Sam Magri.
Ta’ min jiftakar li minbarra Muscat u Pisani se jkunu neqsin mit-tim Andrei Agius u Jonathan Caruana li huma sospiżi. Agius, difensur ta’ esperjenza ta’ Hibernians li lagħab 65 darba għal Malta, weħel partita sospensjoni wara li ħa t-tieni karta safra fl-aħħar logħba kontra s-Slovenja.
Caruana, il-captain ta’ Valletta li lagħab 40 partita bil-flokk ta’ Malta, se jkun qed jibqa’ barra għat-tieni partita ta’ sospensjoni wara l-karta ħamra li ħa kontra l-Litwanja f’Ottubru li għadda.
Bla dubju, Ghedin jittama li l-plejers tiegħu jilħqu l-ogħla livell fil-partita ferm diffiċli kontra s-Slovakkja.
F’kummenti li ta Ghedin ftit ġimgħat qabel il-konfront qal: “L-għan tagħna se jkun li nippruvaw niksbu l-ewwel punti f’din il-kompetizzjoni. Is-Slovakkja m’humiex it-tim ideali li tiltaqa’ miegħu f’dawn iċ-ċirkostanzi peress li huma b’saħħithom ħafna iżda l-għan jibqa’ dejjem li nagħtu l-aħjar tagħna u nibbażaw fuq is-serjetà u l-professjonalità tal-plejers tagħna.
Il-kowċ nazzjonali sejjaħ lill-partitarji lokali biex jerġgħu jkunu huma li jgħinu lill-plejers iqumu għall-okkażjoni.
“Din hi partita li se nilagħbu f’darna u għandna bżonn li l-partitarji lokali jiġu jagħtu l-appoġġ tagħhom,” qal Ghedin.
“Il-fatt li nkunu magħqudin kollha flimkien hu importanti ħafna.
“Din se tkun partita mill-aktar iebsa imma ċert li se nagħmlu minn kollox biex noħorġu minn sitwazzjoni li ma nixtiequx li qegħdin fiha u nirbħu l-ewwel punt.”
Minn naħa tagħhom, is-Slovakkja se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex jieħdu rebħa u tliet punti biex jibqgħu fil-ġlieda għar-rebħ ta’ Grupp F.
Bi tliet rebħiet u draw, l-Ingilterra tinsab l-ewwel fi Grupp F b’10 punti, segwieta mis-Slovenja bi tmien punti. Il-Litwanja jinsabu fir-raba’ post b’ħames punti u l-Iskozja għandhom erba’ punti. Malta għadha mingħajr l-ebda punt.
Biex wieħed jakkwista biljetti għal logħba tal-Ħadd li ġej jista’ jżur www.mfa.com.mt.
L-iskwadra proviżorja ta’ Ghedin hi:
Gowlkipers: Andrew Hogg (Hibernians), Henry Bonello (Birkirkara). Difensuri: Jacob Borg (Gżira United), Clifford Gatt Baldacchino (Gżira United), Zach Muscat (Arezzo), Sam Magri (Dover Athletic), Ryan Camenzuli (Floriana), Ryan Camilleri (Valletta), Samir Arab (Balzan), Joseph Zerafa (Birkirkara) Midfielders: Gareth Sciberras (Birkirkara), Bjorn Kristensen (Hibernians), Steve Pisani (Floriana), Luke Gambin (Luton Town), Paul Fenech (Balzan), Ryan Fenech (Balzan), Mark Scerri (Sliema Wanderers) Attakkanti: Michael Mifsud (Valletta), Andrè Schembri (Boavista), Jean Paul Farrugia (Sliema Wanderers), Luke Montebello (Valletta)
//= $special ?>