F’Dortmund, l-attakkant ta’ Galatasaray temm il-karriera internazzjonali tiegħu bl-aqwa mod hekk kif skurja l-gowl li ta rebħa ta’ 1-0 lill-Ġermanja f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Ingilterra. Din kienet waħda minn diversi partiti li ntlagħbu lbieraħ u Podolski kien qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu man-nazzjonal.
Teknikament, Podolski irtira minn man-nazzjonal sena ilu imma l-kowċ Joachim Loew sejjaħlu biex ikun involut fil-logħba kontra l-Ingliżi li għalih kienet tislima kif jixraqlu. Kellu jkun proprju PODOLSKI li matul is-serata libes anke l-faxxa ta’ captain, li ddeċieda l-logħba b’gowl mill-isbaħ fis-70 minuta hekk kif għeleb lill-gowlkiper Hart minn barra l-kaxxa.
Għal Podolski dan kien id-49 gowl tiegħu ma’ pajjiżu. Grazzi għal din ir-rebħa l-Ġermaniżi pattew xi ftit għat-telfa li kienu sofrew kontra l-istess Ingilterra b’Berlin sena ilu bi skor ta’ 3-2.
Bħala partita kienet waħda bilanċjata fejn l-Ingliżi kienu aħjar mill-avversarji fl-ewwel taqsima u kienu sfortunati meta laqtu l-lasta peremezz ta’ Lallana wara nofs siegħa iżda ċ-champions tad-dinja tjiebu fit-tieni taqsima u saħanistra skurjaw l-uniku gowl.
L-uniku aħbar ħażina għall-Ġermanja hi li qabel il-logħba weġġa’ Khedira u wieħed irid jara jekk hux se jkun disponibbli għal Juventus għal kontra Napoli u Barcelona.
Iż-żewġ timijiet lagħbu din il-logħba bi tħejjija għal logħob li għandhom fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
Il-Ħadd li ġej l-Ingliżi jilagħbu kontra l-Litwanja f’Wembley u l-Ġermaniż jilagħbu f’Baku kontra l-Ażerbajġan.
//= $special ?>