Lokali

Uffiċjali tad-Dwana jsibu pakkett b’$50,000 fi flus kontanti fl-uffiċċju tal-Malta Post

Il-flus ($50,000) li nstabu f'pakkett mill-Uffiċjali tad-Dwana waqt li kienu xogħol fl-Uffiċċju tal-Malta Post Office

Uffiċjali tad-Dwana li kienu xogħol fil-Malta Parcel Post Office tal-Posta qabdu parcel mimli flus kontanti. Meta fetħu l-parcel huma sabu ħames pakketti ta’ flus kontanti f’denominazzjoni ta’ $100 u f’kull pakkett kien hemm $10,000 għal total ta’ $50,000.

L-uffiċjali tad-Dwana kienu qed jagħmlu screening ta’ parcels li waslu miċ-Ċina li wieħed minnhom kien dikjarat li fih oġġett tad-dar u l-ġnien. Il-forma tal-parcel qajjmet suspett u twarrab biex ikun screened b’magna tal-X-Ray tad-dipartiment. Minħabba li l-iscan kompliet toħloq suspett ittieħed deċiżjoni li l-parcel ikun iċċekkjat b’mod fiżiku.

Wara li nstabu l-flus kontanti, id-Dipartiment tad-Dwana għadda l-parcel lit-Taqsima tal-Pulizija tar-Reati Ekonomiċi għal iktar investigazzjonijiet fejn irid ikun stabbilit jekk il-flus humiex ġenwini jew foloz. Il-persuna li lilha kien indirizzat il-parcel kienet arrestata biex tgħin fl-investigazzjonijiet.

Dan hu każ ieħor li seħħ b’riżultat ta’ miżuri ta’ kontroll aktar qawwija li d-Dipartiment tad-Dwana qed jagħmel fil-Parcel Post Office.