Id-deputat Laburista Silvio Schembri stqarr li hu jaqbel ma’ dak li qalet il-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat waqt attivita’ li organizza hu stess.
NET News staqsa lil Silvio Schembri jekk jaqbilx ma’ dak li sostniet Michelle Muscat meta fl-attivita’ qalet li hi taf li hemm deputati Laburisti li tmejlu bin-nies.
Silvio Schembri stqarr li ma kienx dak il-kliem li qalet Michelle Muscat, u filfatt meta kwotaha qatt ma uża l-kliem ‘tmejlu bikom’. Dan għalhekk igiddeb l-impressjoni li prova jagħti id-deputat Laburista.
Wara li Slivio Schembri baqa’ jinsisti li hu jaqbel ma’ dak li qalet Michelle Muscat, NET News reġa’ staqsa jekk jaqbilx ma’ dak il-kliem ezatt li użat Michelle Muscat meta ammettiet li hemm deputati Laburisti li tmejlu bin-nies. (hawn taħt)
Għall-mistosqijiet ripetuti li bqajna nagħmlu, id-deputat Laburista ma rrispondiex.
Aktar tard il-Partit Nazzjonalista stqarr li filwaqt li l-ekonomija ta’ Silvio Schembri u Gavin Gulia sejra tajjeb ħafna, billi jdaħħlu eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi, l-faqar f’pajjiżna qed jiżdied, in-nies ifittxu post tal-housing qed jiżdiedu, il-prezz tal-petrol u d-diesel qed jiżdied, u l-anzjani mhux ilaħħqu bil-pensjoni biex jixtru l-aktar affarijiet bażiċi, fosthom il-mediċini.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tkompli li l-ekonomija ta’ Silvio Schembri u Gavin Gulia, iżda, sejra tajjeb ħafna. Silvio Schembri jdaħħal madwar €65,000 fis-sena minn diversi karigi mal-Gvern, waqt li Gavin Gulia jdaħħal eluf ta’ ewro bħala Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-Partit Nazzjonalista stqarr li filwaqt li d-Deputati u l-kandidati Laburista qed idaħħlu l-eluf ta’ ewro f’pagi u perkaċċi, żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikollhom imorru barra minn Malta biex jagħmlu suċċess. Għalhekk hemm bżonn Gvern ġdid Nazzjonalista, biex, kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutti, f’pajjiżna, kulħadd ikollu ċ-ċans li jirnexxi mingħajr ma jkollu għalfejn imur barra minn Malta.
//= $special ?>