Lokali

FILMAT: Persuni b’żewġ voti; Muscat jitfagħha fuq il-Kummissjoni Elettorali

Konferma li Joseph Muscat se jibqa' ċass quddiem każ serju ta' irregolarità fir-reġistru elettorali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat farfar ir-responsabbiltà li ġġorr magħha l-kariga kostituzzjonali ta’ Prim Ministru meta rrifjuta li jikkommetti ruħu li imqar jitlob lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga dak li ġie żvelat ilbieraħ fil-Parlament, jiġifieri li hemm persuni fir-reġistru elettorali li jekk issir elezzjoni għada, jistgħu jivvutaw darbtejn.

Li hemm persuni li jistgħu jivvutaw darbtejn kien żvelat mill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami lbieraħ fil-Parlament. Minkejja li għaddew 24 siegħa minn meta ġiet żvelata l-aħbar, il-Prim Ministru ma għamel l-ebda stqarrija dwar dan l-iżvilupp serju.

“Ħeqq jgħid hu hux” qalilna l-Prim Ministru, meta staqsejnih għar-reazzjoni tiegħu dwar dak li żvela l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Mitlub jgħid jekk hux se jieħu passi hu, bħala Prim Ministru, billi jitlob lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga, Muscat farfar ir-responsabbiltà. Il-kummenti ta’ Muscat jikkonfermaw li l-Prim Ministru se jibqa’ ċass quddiem dan il-każ serju li jiżdied ma’ lista ta irregolaritajiet fis-sistema elettorali, fosthom l-għoti tad-dritt tal-vot lil barranin li m’għandhomx dritt għall-vot.

Muscat għadda dawn il-kummenti ma’ NET News fi tmiem attività politika ‘Gvern li jisma” fiċ-Ċittadella, Għawdex, li għaliha attendew diversi partitarji Laburisti. Muscat kien sfurzat jitkellem ma’ NET News wara li għall-ewwel irrifjuta. Filfatt, l-ewwel ħaġa li qal il-Prim Ministru malli iffaċċjajnih b’talba biex nistaqsu mistoqsija, kienet “diġa kellkom dalgħodu. Issa għada”.