Lokali

Hemm bżonn t’aktar barrikati u li s-subway tkun fi stat aħjar – il-Kunsill Lokali tal-Floriana

Nies jaqsmu ħażin minn quddiem il-Bombi
In-nies xorta waħda għadhom jaqsmu bl-addoċċ u s-subway għadha fl-istat ħażin li kienet qabel.

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana b’reazzjoni għall-instalazzjoni tal-barrikati fejn il-Bieb tal-Bombi fi stqarrija qal li n-nies xorta waħda għadhom jaqsmu mit-triq, dan għax il-barrikati ma sarux tul it-triq kollha. Il-Kunsill qal li qatt ma kien infurmat b’dan il-proġett u mhux infurmat jekk hux se jkun hemm iktar barrikati installati jew le.

Il-Kunsill Furjaniż qal li fir-rigward tas-subways hemm bżonn li jkun hemm tranġar, il-għaliex in-nies kienu (u għadhom) jaqsmu t-Triq Nazzjonali b’dak il-mod il-għaliex is-Subway qatt ma kienet f’kundizzjoni daqstant formidabbli. Huma qalu li la darba jsir it-tranġar, fuq kollox is-subways għandhom jinżammu fi stat sikur u nadif. Hemm bżonn li tiżdied is-sigurtà fiz-zona biex in-nies li jużaw ħafna din iz-zona li tinsab fil-periferiji tal-lokal tal-Floriana jħosshom sikuri. L-istqarrija elenkat li s-sigurtà m’għandhiex tkun biss bil-cameras tas-sigurtà iżda wkoll bil-presenza tal-pulizija/gwardjani fiz-zona.

L-istqarrija t’elenka li l-Kunsill jaqbel bis-sħiħ ma’ dan il-proġett hekk kif dan kien ilu bżonn isir għal bosta xhur, iżda l-Kunsill wera d-dispjaċir li lanqas biss kien infurmat dwar dan il-proġett u saru jafu b’dan permezz ta’ stqarrija maħruġa minn TM.

Il-Kunsill Furjaniż ma ġiex ikkonsultat dwar dan u mhux qed jitlob konsultazzjoni, imma qed jitlob li tal-lanqas ikun mgħarraf bi proġetti bħal dawn li qed isiru fil-lokalità tiegħu.