Il-Partit Nazzjonalista ressaq proposti li permezz tagħhom il-linja nazzjonali ta’ l-ajru Air Malta tiġi rikapitalizzata b’€140m, b’investiment lokali kif ukoll bl-involviment tal-ħaddiema b’share options. Fl-istess proposti l-Partit Nazzjonalista qiegħed jirrakomanda twaqqif ta’ fond għat-taħriġ ta’ l-impjegati kif ukoll erba’ metodi differenti ta’ kif ir-riżorsi tal-kumpanija jkunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli fl-ekonomija tagħna.
Dan qalu x-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għat-Turiżmu Antoine Borg u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Aaron Mifsud Piccione.
Claudio Grech spjega li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista ġew spjegati f’laqgħa mal-imsieħba soċjali fis-settur u rappreżentanti tal-ħaddiema matul laqgħat fil-ġimgħat li għaddew. Hu qal li l-erba’ prinċipji li hi bbażata fuqhom il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista huma: li l-kontroll tal-Air Malta jibqa’ wieħed lokali, li jkun hemm tkabbir permezz ta’ investiment fil-linja nazzjonali tal-ajru, li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess tal-ħaddiema, u li jkun hemm pjan fit-tul li ma jkunx mibdul skont min ikun fil-Gvern.
Ix-Shadow Minister tal-Ekonomija ppreżenta l-pjan tal-Partit Nazzjonalista li hu maqsum f’ħames passi li għandhom jittieħdu. Ewlenin fosthom huma:
– L-iskemi proposti ta’ kif il-ħaddiema jiġu ttrattati b’dinjità, rispett u ekwità.
– Kif l-Air Malta tista’ tilħaq livelli ogħla ta’ effiċjenza fl-operat tagħha.
– It-tisħiħ tal-kapital tal-kumpanija b’€140 miljun.
– L-aċċess għal finanzjament biex l-Air Malta tkun tista’ tagħmel l-investiment neċessarju f’oqsma kritiċi ta’ l-operat tagħha.
– Ir-rwol li permezz tiegħu l-Gvern għandu jittratta b’mod ġust ma’ l-Air Malta.
Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ser ikun qiegħed jipproponi li jiddiskuti dan il-pjan mal-Gvern, iżda fakkar li l-Gvern naqas milli jikkonsulta mal-Partit Nazzjonalista dwar il-futur tal-Air Malta, tant li l-aħħar u l-uniku laqgħa mal-Ministru Edward Zammit Lewis kienet f’Ġunju tas-sena li għaddiet, jiġifieri 9 xhur ilu.
Antoine Borg qal li filwaqt li għall-ekonomija ta’ pajjiżna, l-low cost airlines huma importanti, tant li l-Partit Nazzjonalista ħadem bi sħiħ biex fetaħ dan is-suq, is-sitwazzjoni li pajjiżna jinsab fiha bħalissa hi li ċertu low cost airlines, bħal Ryanair saru aktar b’saħħithom – anke minħabba l-kompetittività – mill-linja nazzjonali tal-ajru. Il-Kelliem għat-Turiżmu qal li filwaqt li l-ekonomija tagħna għandha tkompli tiftaħ għal low cost airlines, il-management tal-Air Malta għandu jassigura li l-linja nazzjonali tal-ajru tkun f’punt ta’ kompetizzjoni ma’ dawn il-linji tal-ajru u mhux airline li dak li jkun ma jħarisx lejha biex jivjaġġa.
Antoine Borg qal li pajjiżna – b’mod partikolari s-settur turistiku – ma jaffordjax li jħalli l-linja nazzjonali tal-ajru fis-sitwazzjoni li tinsab bħalissa. Hu fakkar li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu – fosthom li jitnaqqsu r-rotot ta’ Frankfurt u Manchester – mhux qed jinżlu tajjeb ma’ min jaħdem fis-settur turistiku, u dan peress li dawn iż-żewġ rotot huma fost l-aktar popolari mat-turisti li jaslu f’Malta. Hu sostna li mis-settur turistiku, jiddependu għexieren ta’ eluf ta’ familji f’pajjiżna, u għalhekk kull deċiżjoni li tittieħed, għandha tirrifletti dan.
Aaron Micallef Piccione qal li d-dikjarazzjoni tal-Ministru Edward Zammit Lewis dwar it-tkeċċijiet tal-ħaddiema u deċiżjonijiet oħra iebsa li se jkun qed jieħu, ħolqu sens kbir ta’ inċertezza fost il-ħaddiema, b’mod partikolari għall-fatt li d-diskors tal-Gvern qed ikun indikattiv li dawn id-deċiżjonijiet iebsa se jkun qed jeħodhom wara l-elezzjoni ġenerali. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ b’mod regolari mal-ħaddiema tal-Air Malta li jinsabu nkwetati ferm bis-sitwazzjoni li jinsabu fiha.
Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-ftehim kollettiv tal-ħaddiema issa skadew u insista li l-Gvern ikun ċar fi kliemu u fid-direzzjoni li se jieħu, biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jifhmu eżatt x’se jiġri minnhom fuq livell personal, kif ukoll x’se jiġri mill-post tax-xogħol tagħhom, jiġifieri l-Air Malta.
//= $special ?>