Internazzjonali

Il-Polonja tista’ ma tħaddanx id-dikjarazzjoni ta’ Ruma

Il-Prim Ministru Pollakk Beata Szydlo wissiet li l-Polonja għandha mnejn ma taċċettax id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, li biha se titwitta t-triq għall-Unjoni Ewropea la darba r-Renju Unit ma jibqax membru.

Dan wissiet Szydlo jekk fid-dokument ma jkunx hemm kwistjonijiet li l-Gvern Pollakk iqies bħala kruċjali għalih.

Abbozz tad-dikjarazzjoni isostni li l-mexxejja tal-UE se jaħdmu lejn għaqda li tippromovi l-progress ekonomiku u soċjali kif ukoll għaqda akbar dejjem fl-isfond tal-varjetà ta’ mudelli soċjali.

Szydlo qalet li l-erba’ prijoritajiet għall-Polonja kienu l-għaqda tal-Unjoni Ewropea, kooperazzjoni mill-qrib man-NATO, it-tisħiħ tar-rwol tal-Gvernijiet nazzjonali u r-regoli tas-suq komuni. Hi qalet li jekk ma jkunx hemm dawn l-affarijiet, il-Gvern ta’ Varsavja ma kienx se jaċċetta d-dikjarazzjoni waqt is-summit li se jsir.

Aktar qabel din il-ġimgħa, il-Partit tal-Liġi u Ġustizzja, li jmexxi l-Gvern, qal li fis-summit kien se jagħti ġlieda iebsa u ma kienx se jbaxxi rasu għal ebda forma ta’ Unjoni Ewropea fejn membri jimxu ’l quddiem u oħrajn jibqgħu lura.

Is-Sibt li ġej, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jkollhom summit f’Ruma biex ifakkru s-60 anniversarju mill-ħolqien ta’ dik li llum saret l-Unjoni Ewropea permezz ta’ dak li kien magħruf bħala t-Trattat ta’ Ruma. Fis-summit se jinħareġ dak magħruf bħala d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma la darba jseħħ il-Brexit.
F’summit li sar fil-bidu tax-xahar fi Franza, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u Franza qalu li kienu favur Unjoni Ewropea fejn min irid jista’ jimxi’l quddiem filwaqt li pajjiżi oħra jibqgħu lura jekk ma jkunux jistgħu

Witold Waszczykowski, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, f’intervista pubblikata l-Erbgħa qal li Ewropa “b’żewġ veloċitajiet” kif inhu magħruf il-mudell li huma favurih Franza, l-Italja, il-Ġermanja u Spanja kienet riċetta għal diżastru u firda għall-UE.