Futbol Sport

“L-innu taċ-Champions League għadu jweġġgħani” – Simeone

Il-kowċ ta’ Atletico Madrid Diego Simeone qal li kull meta jisma’ l-innu taċ-Champions League għadu jweġġa’ wara li t-tim tiegħu, f’dawn l-aħħar tliet snin, tilef żewġ finali f’din il-kompetizzjoni.

Fl-2014 Atletico kienu resqin lejn rebħa mill-aqwa ta’ 1-0 fuq ir-rivali tagħhom Real Madrid imma dawn tal-aħħar ġabu d-draw fl-aħħar minuta u minn hemm ‘il quddiem rebħu 4-1 fil-ħin barrani. F’Mejju li għadda dawn iż-żewġ timijiet reġgħu ltaqgħu kontra xulxin u l-logħba reġgħet intemmet fi draw ta’ 1-1 u din id-darba l-Merengues rebħu t-titlu bil-penalties.

“Kull darba li nisma’ l-innu nweġġa’. It-telfa fil-finali f’San Siro hi aktar diffiċli biex inniżel minn dik li sofrejna f’Lisbona fl-2014. Wara t-telfa li sofrejna bil-penalties kont naf li l-istaġun ta’ wara kien se jkun wieħed ikkumplikat. Ma kontx naf jekk kienx se jkolli s-saħħa biex inkompli nmexxi lil dan il-grupp ta’ plejers,” qal Simeone.

Din is-sena Atletico Madrid qegħdin fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League u l-avversarji li jmisshom jilagħbu kontrihom huma ċ-champions Ingliżi Leicester City.