Lokali

Wara l-investigazzjoni ta’ Net Live, l-Isptar Monte Karmeli jaħtar inkjesta

Raġel qed jallega li ssawwat fl-Isptar Monte Karmeli nhar it-Tlieta li għadda

Wara li lbieraħ il-programm Net Live żvela illi l-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ allegat swat fl-Isptar Monte Karmeli, illum tħabbar li se tkun qed tinfetaħ inkjesta minn naħa tal-istess sptar. L-allegazzjonijiet qed isiru mill-qraba ta’ dan ir-raġel li għandu 42 sena.

Il-kaz jidher illi seħħ bejn nhar it-Tnejn u t-Tlieta fl-Isptar stess, meta r-raġel kien qed jiġi trasferit mis-sala DDU lejn is-Seclusion Ward.

Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern dwar dak li sejjaħ “allegat abbuż fuq pazjent fl-Isptar Monte Carmeli”, l-amministrazzjoni tal-istess sptar ħatret inkjesta biex jiġu determinati l-fatti wara dan il-każ.

Kien il-programm Net Live illi xandar b’mod esklussiv ir-ritratti ta’ dan ir-raġel illi qed jgħid li issawwat f’Monte Karmeli. Il-ġrieħi f’wiċċu, f’saqajh u f’partijiet oħra ta’ ġismu tant kienu gravi illi l-vittma spiċċa jittieħed l-emerġenza, bla ma biss kienu jafu l-qraba tiegħu.

Kien it-tifel ta’ dan ir-raġel illi t-Tlieta wara nofsinhar, mar jara lil missieru…u skopra x’kien ġara.

L-unika wieħed li sema’ l-ilmenti tal-familja kien manager partikolari f’Monte Karmeli illi qed jiġbor id-dettalji kollha tal-każ.

Dan ir-raġel kien ittieħed fis-sala DDU il-Ħadd wara nofsinhar fuq parir tat-tobba minħabba li kien qed jabbuża minn xi sustanzi. Il-ħsieb tiegħu kien illi wara ftit jiem ta’ mistrieħ, jibda programm ta’ riabilitazzjoni – iżda dan kollu sfuma fix-xejn meta r-raġel spiċċa f’din il-kundizzjoni.

Sal-bieraħ stess ir-raġel kien għadu qed jinżamm fl-ITU fl-Isptar Mater Dei.

Ritratt li juri ftit mill-ġrieħi li ġarrab dan ir-raġel