Lokali

Dubji dwar kemm il-kummissjoni elettorali tista’ tgħaddi poteri lill-bord investigattiv

B’referenza għall-aħbar li l-Kummissjoni Elettorali se taħtar Bord investigattiv biex jinvestiga l-każi kollha referiti lilu dwar allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi dwar il-Finanzjamanet tal-Partiti Politiċi, l-Avukat Austin Bencini li jispeċjalizza dwar il-Kostituzzjoni qal li s’issa la saru magħrufa l-kompożizzjoni u lanqas il-kontenut li se jkun qed jinvestiga.

F’artiklu fit-Times of Malta bit-titlu, An Investigative Board? l-Avukat Austin Bencini qal li din l-aħbar tqajjem dubji serji dwar kemm il-Kummissjoni Elettorali tista’ tgħaddi poteri lill-bord investigattiv biex dan jagħmel il-funzjonijiet li jridu jkunu investigati mill-Kummissjoni biss skont il-liġi.

Austin Bencini qal li l-partiti politiċi u persuni oħra interessati jistgħu jikkontestaw il-ksur tal-liġi u anke l-multi u s-sanzjonijiet mill-Kummissjoni Elettorali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Hu qal li l-Kummissjoni Elettorali permezz tal-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi ngħatat il-poter li timponi penali li ħafna minnhom huma kbar u li jmorru lil hinn minn natura amministrattiva mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem.

Dawn jistgħu faċilment ikunu definiti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala li huma ta’ natura penali li għalhekk joħolqu diffikulta dwar il-garanziji ta’ smigħ xieraq.

Dan ifisser li l-Kummissjoni se tiffaċċja kwistjonijiet li tista’ tkun ikkunsidrata bħala investigatur, imħallef u ġurija.

L-Avukat Bencini qal li jekk trid toħroġ il-verita’ malajr, irid ikun hemm intervent leġislattiv immedjat fuq tal-inqas żewġ livelli biex tkun regolarizzata din l-anomalija serja tad-drittijiet tal-bniedem.

L-ewwel li jkunu kostituzzjonalizzati l-funzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-finanzjamanet tal-partiti billi jkunu inklużi fil-Kostituzzjoni fil-livell ta’ żewġ terzi. It-tieni li jkun  hemm liġi dwar is-separazzjoni tal-poteri tal-Kummissjoni dwar it-tehid tad-deċiżjonijiet mill-parti investigattiva bl-introduzzjoni ta’ struttura investigattiva indipendenti li trid titwaqqaf b’liġi u mhux mill-Kummissjoni Elettorali biex ma jkunx hemm dubji dwar il-garaziji ta’ smigh xieraq.