Ilbieraħ, waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġurnalist tal-Maltatoday talab lil Gavin Gulia jiġġustifika għalfejn hu bħala Chairman tal-Malta Tourism Authority qed jindirizza konferenza tal-Partit Laburista. Għal din il-mistoqsija Gavin Gulia qal li billi qed jagħmel hekk mhu qed jikser l-ebda liġi, u stqarr ukoll li hu kandidati mal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss għaldaqstant mhu qed jagħmel xejn ħażin billi jindirizza konferenza f’isem il-Partit Laburista, minkejja li hu jokkupa kariga pubblika.
Gavin Gulia qal li minflok din il-mistoqsija, il-ġurnalist ta’ Maltatoday missu staqsa x’qiegħed jagħmel fil-kariga ta’ Chairman tal-MTA u kompla billi stqarr li t-tmexxija tiegħu kienet waħda ta’ suċċess. Iżda l-ġurnalist intervjena u staqsa hekk kif f’pożizzjoni bħal tiegħu hux etiku li jżomm postu, u jekk għandux jirreżenja mill-Partit Laburista sakemm jokkupa din il-kariga pubblika.
Kien f’dan il-mument li qabeż d-deputat Silvio Schembri li kien qed jindirizza l-istess konferenza, fejn stqarr li ‘mhuwiex etiku’ għal Gavin Gulia li jirrispondi din id-domanda hu hekk kif inhi mistoqsija personali. Silvio Schembri kompla jgħid li t-track record ta’ Gavin Gulia hu ta’ min ifaħħru, u jwarrab għal kollox il-mistoqsija tal-ġurnalist tal-Maltatoday, li dan tal-aħħar ma tħalliex jistaqsi aktar mistoqsijiet mill-uffiċjali tal-Partit Laburista.
//= $special ?>