Knisja Lokali

FILMAT: Mijiet jattendu l-Pellegrinaġġ Nazzjonali bl-istatwa tar-Redentur fl-Isla

Fl-Isla illejla sar Pelleġrinaġġ Nazzjonali bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur li għaliha attendiet folla kbira.

Il-Pellegrinaġġ beda mill-Knisja Arċipretali tal-Isla u tmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna u ipparteċipaw ukoll erba’ Isqfijiet barranin. Ħadu sehem ukoll il-Kapitlu tal-Isla, il-komunità tas-Sależjani u l-kleru mmexxi mill-Arċipriet, Dun Robin Camilleri.

Minbarra fil-Pellegrinaġġ Nazzjonali, l-istatwa mirakoluża ta’ Ġesù Redentur tal-Isla se toħroġ ukoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-14 ta’ April biex imbagħad jibda l-proġett ta’ restawr fuqha.

Il-Ġimgħa l-Pellegrinaġġ beda tletin minuta tard, fis-6:30p.m. wara li l-Arċisqof inqabad fi traffiku kbir li ħakem it-toroq Maltin f’dawk il-ħinijiet.

Il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr se jibda f’Mejju tal-2017. L-ewwel pass, qabel ma jibda x-xogħol, hu li l-istatwa se tiġi dokumentata b’mod sħiħ permezz ta’ ritratti fotografiċi u l-partijiet fejn seħħew fenomeni differenti ta’ deterjorazzjoni se jiġu mmarkati fuq rappreżentazzjoni grafika. Se jsiru wkoll aktar investigazzjonijiet xjentifiċi. Il- proċess sħiħ ta’ konservazzjoni jikkonsisti f’serje ta’ operazzjonijiet minn konservaturi u restawraturi professjonali.

Il-proċess ewlieni jinkludi li l-partijiet tas-saff impitter instabbli se jitwaħħlu lura mal-bażi; l-kartapesta u l-materjal tal-bażi se jiġu kkonsolidati; l-ixquq fis-saff preparatorju se jiġu kkonsolidati; l-ixquq u l-partijiet mitlufin se jimtlew b’taħlita apposta li fiha karatteristiċi elastiċi; se jitneħħew interventi passati u l-partijiet tas-saff impitter li ntilfu biż-żmien se jiġu integrati permezz ta’ kuluri riversibbli tar-restawr.

Il-proċess kollu se jiġi dokumentat f’rapport dettaljat dwar l-aspetti differenti tat- trattamenti li saru, flimkien ma’ miżuri preventivi biex l-istatwa tinżamm fi stat ta’ konservazzjoni tajjeb.

Se jiġu addottati metodi konservattivi għall-preservazzjoni fit-tul ta’ din l-istatwa tant importanti li bl-għan li jtejbu kemm l-istruttura kif ukoll l-estetika biex jissalvagwardjaw l-aspett simboliku għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-proġett se jimxi fuq il-gwida tal- prinċipji etiċi għall-protezzjoni u preservazzjoni ta’ xogħlijiet artisitiċi tal-European Confederation of Conservator-Restorers’ Organisations’ code of ethics.

Dokumenti jindikaw li għal xi żmien qabel din l-1714, fl-Isla kienet issir purċissjoni b’numru ta’ statwi tal-Passjoni nhar il-Ġimgħa l-Kbira, b’indikazzjoni qawwija li waħda minn dawn l-istatwi kienet dik ta’ Ġesu` Redentur.