Lokali

FILMAT: Raġel fil-periklu tal-mewt wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina fil-Marsa

Somalu ta’ 22 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li għall-ħabta tas-6:30p.m. qala’ daqqiet ta’ sikkina f’bar f’Xatt il-Mollijiet fil-Marsa.

Ir-raġel instab mixħut mal-art fl-ewwel sular tal-bar wara li jidher li qala’ d-daqqiet ta’ sikkina konsegwenza ta’ argument.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija kif ukoll ambulanza li ħadet ir-raġel l-isptar.

Waqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet, Net News jinsab infurmat li l-aggressur huwa Libjan u qed ikun imfittex mill-Pulizija f’Marsaskala.

L-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt waqt li l-inkjesta qed titmexxa mill-maġistrat Charmaine Galea.