Lokali

FILMAT: Se titbiddel il-liġi biex il-Labour ikun jista’ jirreġistra bħala partit

"Nistennew naqra, m'hemmx x'tagħmel" - Chris Cardona

Il-Gvern se jkollu jbiddel il-liġi tal-finanzjament tal-partiti billi jdaħħal ‘legal notice’ bl-iskop li l-Partit Laburista jkun jista’ jirreġistra bħala partit politiku mal-Kummissjoni Elettorali, għax bl-istat ta’ illegalità li qiegħed fih il-Partit Laburista, ma jistax jirreġistra.

Kien id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, li meta magħfus bil-mistoqsijiet waqt il-programm InDepth ta’ The Malta Independent, kien kostrett jammetti li l-Gvern aktarx ikollu jdaħħal legal notice biex il-Partit Laburista jkun jista’ jirreġistra. “Ma naħsibx li hemm bżonn titressaq emenda fil-liġi, se mai ikun hemm legal notice”.

Skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-partiti politiċi li kienu diġa jeżistu mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kellhom sitt xhur ċans biex jirreġistraw. Imma l-Partit Laburista għadu sal-lum mhux irreġistrat, u jekk imur biex jirreġistra, se jsib li dan ma jistax jagħmlu, peress li suppost kellu jirreġistra fl-ewwel sitt xhur wara li daħlet fis-seħħ il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.

Filfatt, sal-lum, il-Partit Laburista teknikament ma jeżistix għall-finijiet tal-Kummissjoni Elettorali
“Il-Partit Laburista jeżisti statutorjament” iddefenda Chris Cardona. “Ftit tal-ġimgħat oħra se jkollna l-konferenza ġenerali li permezz tagħha se ngħaddu l-emendi biex il-Partit Laburista jiġi konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti” żied jgħid. Mistoqsi mill-preżentatur Pierre Portelli għaliex l-emendi ma sarux qabel, Chris Cardona qal li l-konferenzi ġenerali tal-Partit Laburista jsiru skont id-dati li jagħti l-istatut. Hu qal dan anke jekk is-sena li għaddiet saru żewġ konferenzi ġenerali.

Il-liġi tal-finanzjament tal-partiti daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016, jiġifieri aktar minn sena ilu, bil-Partit Laburista baqa’ jkaxkar saqajh għal sena u erba’ xhur biex jirreġistra. “Nistennew naqra, m’hemmx x’tagħmel” qal Chris Cardona.

Waqt l-istess programm Chris Cardona kien mistoqsi wkoll dwar il-każ tal-burdell fil-Ġermanja fejn insista li ma jiddispjaċihx li għamel mandat ta’ sekwestru fuq il-ġurnalista li kixfet dan il-każ. Id-Deputat Mexxej Laburista rrefera wkoll għall-iskandlu tal-Panama, fejn iddikkjara li hu komdu bil-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.