Lokali

FILMAT: Sfidah jgħid min huma ż-żewġ Ministri li ndaħlu f’każ ta’ traffikar tad-droga

L-Assistent Segretarju Ġenerali tal-PN waqt il-programm Extra ppreżentat minn Saviour Balzan

L-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono, sfida lill-Kurt Farrugia, l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joseph Muscat biex jgħid min huma ż-żewġ Ministri li ndaħlu fil-każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex.

Jean Pierre Debono sfida lill-Kurt Farrugia waqt il-programm Extra.

L-Assistent Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista sostna li minflok il-gvern se jħalli setturi ekonomiċi ġodda se jħalli inkjesti dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Semma’ kif f’erba’ snin pajjiżna ra skandlu wara l-ieħor meta l-poplu kien qed jistenna viżjoni, proġetti, għaliex hekk kien imwiegħed u mhux li l-gvern Laburista jinawgura proġetti li beda Gvern Nazzjonalista.

Jean Pierre Debono fakkar kif il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni dejjem kien jgħid li l-proposti tiegħu, ir-roadmap jgħid x’inhi la tasal elezzjoni. Dan kuntrarju għal dak li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

B’rabta mar-realta’ li n-nies mhux ilaħħqu mal-ogħli tal-ħajja Jean Pierre Debono semma’ kif ħaddiema tal-media tal-Partit Laburista li huma ħaddiema tal-gvern qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu.

L-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono temm jgħid li l-poplu jixraqlu gvern li jifhem il-bżonnijiet u r-realtajiet tan-nies u għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed dejjem f’konsultazzjonijiet u taħdidiet mas-soċjeta ċivili sabiex ifassal il-viżjoni u l-proposti tiegħu.