Internazzjonali

Għada l-anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma – il-kapitali lesta anke għal attakk bil-kimika jew missili

Membri tal-carabinieri jgħassu diversi żoni f'Ruma

Jirraporta minn Ruma

Sigurtà massima f’Ruma fejn fis-sigħat li ġejjin il-mexxejja tal-Ewropa mistennija jiltaqgħu biex ifakkru s-60 sena mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma li fl-1957 kien wassal għal ftehim internazzjonali li permezz tiegħu inħolqot unjoni ekonomika fl-Ewropa b’kummerċ ħieles u tariffi komuni.

F’Ruma tispikka l-preżenza qawwija tal-armata, b’ammont kbir ta’ suldati armati f’kull pjazza, kif ukoll uffiċjali tas-sigurtà inkluż pulizija, ukoll armati, jgħassu postijiet frekwentati bħall-istazzjonijiet tat-trejns u trasport pubbliku ieħor.

Mgħassa wkoll numru ta’ binjiet uffiċjali, kemm tal-Gvern kif ukoll uffiċċji ta’ rappreżentanzi tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex, waqt li għada l-mexxejja jiltaqgħu ġol-kapitali tal-Italja, hu mistenni li mill-inqas tliet gruppi jagħmlu protesti kontra l-Unjoni Ewropea.

Fost l-iktar mixjiet preokkupanti hemm il-Eurostop, li mistennija tattira madwar 8,000 persuna, tant li l-organizzaturi kienu msejħa għal laqgħa mal-Pulizija biex jiżguraw li din tkun mixja paċifika. Se ssir ukoll mixja minn ammont kbir ta’ persuni favur l-istess Unjoni Ewropea.

Il-miżuri tas-sigurtà ilhom għall-aħħar xhur fis-seħħ iżda ħraxu wara l-attakki f’Londra kif ukoll minħabba l-ammont kbir ta’ mexxejja Ewropej, ministri u mistiedna li qed jibdew jaslu f’Ruma. Hemm ukoll blokk fuq trakkijiet u kontejners f’żoni differenti biex ikunu evitati attakki simili għal dawk f’Nizza u Berlin.

Minbarra li żoni sħaħ madwar Campidoglio (fejn se jiltaqgħu l-mexxejja Ewropej) se jkunu inaċċessibbli għall-pubbliku, madwar iż-żona se jkun hemm uffiċjali armati bi snipers fuq il-binjiet tal-madwar, sorveljanza fuq ix-xmara Tevere, 4 helikopters tal-Pulizija lesti biex jintervjenu u l-Aeronautica li se tissorvelja ż-żona mill-ajru. Dan filwaqt li interceptors, sistemi li jwaqqfu attakki bil-missili, se jiġu attivati.

Ġurnali lokali saħansitra qed jirrappurtaw li l-awtoritajiet daħħlu fis-seħħ miżuri biex jilqgħu kontra attakki terroristiċi permezz tal-kimika. Madwar 5,000 aġent tal-Pulizija (kemm Carabinieri kif ukoll dawk tal-Guardia di Finanza) issejħu biex jiffurmaw forza ta’ riserva straordinarja u 5,000 ohra se jkunu madwar il-belt armati b’kameras żgħar u drones biex josservaw dak li jkun għaddej.