Lokali

Ir-riskji tat-tuberkulożi m’għandhomx jiġu injorati

 
Fl-2015, madwar id-dinja, it-tuberkolożi qatlet iktar nies milli l-HIV u l-malarja. Aktar minn 10 miljun persuna ġew infettati minn din il-marda li tittieħed u minnhom, kważi żewġ miljun mietu.

Dan sostnietu Claudette Buttigieg, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum dwar it-Tuberkolożi.

Hi sostniet li grazzi għall-kura, bejn is-sena 2000 u s-sena 2015, ġew salvati 49 miljun persuna iżda l-kura mhux qed tilħaq lil kulħadd, kullimkien.

Problema oħra hi li mhux kull min hu infettat qed jirraporta lill-awtoritajet tas-saħħa madwar id-dinja.Sfortunatament ukoll, f’dawn l-aħħar snin feġġet tip ta’ tuberkulożi li hija reżistenti ħafna għall-mediċina, speċjalment fuq pazjenti li jabbużaw mill-antibijotiċi. Din it-tuberkolożi tissejjaħ MDR-TB u qed tkompli tinfirex fl-Ewropa, speċjalment l-Ewropa tal-Lvant. 

Claudette Biuttigieg qalet li għalkemm f’pajjiżna l-prevalenza tat-TB hija baxxa, m’għandniex inserrħu rasna u ninjoraw ir-riskji. Fost dawk l-aktar vulnerabbli u suxxettibli għat-TB insibu persuni li jabbużaw mid-droga, ħabsin u immigranti. F’dan il-jum iddedikat għall-ġlieda kontra t-TB għandna niftakru f’dawn il-persuni u ma nhallux il-preġudizzji jagħmuna.

Fi stqarrija għal din l-okkażjoni, id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa qal li Malta għandha fost l-inqas rati ta’ nies li għandhom it-tuberkolożi b’medja ta’ 7.6 kull 100,000 persuna fl-aħħar 15-il sena.

Kif seħħ fl-aħħar snin f’pajjiżi tal-Punent ir-rata ta’ persuni li jbatu bit-tuberkolożi naqas ħafna. Fl-2016 kien hemm 51 każ notifikat li minnhom 96% kienu ta’ persuni barranin. Mill-każi kollha ta’ TB notifikati bi status ta’ HIV, kien hemm 17.4% li kellhom infezzjoni tal-HIV.

Skont l-Ogranizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa it-TB hi l-aktar marda infettuża li toqtol nies u toqtol iktar mill-AIDS u mill-malarja.

Madwar id-dinja hawn 10.4 miljun persuna li huma morda bit-TB u 1.8 miljun li miet bil-marda fl-2015.

 
 

·