Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irrevoka l-liċenzja tan-Nemea Bank wara proposta mill-Bank Ċentrali ta’ Malta (BĊM) u mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Dan hekk kif l-awtoritajiet Maltin innutaw nuqqas ta’ progress tanġibbli fit-twettiq tar-rekwiżiti regolatorji.
Fi stqarrija, il-BĊM qal li n-Nemea Bank hu bank żgħir b’rabtiet minimi mal-ekonomija domestika u għalhekk, dan l-irtirar tal-liċenzja mhux mistenni jkollha impatt qawwi fuq is-sistema finanzjarja lokali.
Il-BĊM qal li s-settur bankarju f’Malta hu b’saħħtu u jgawdi minn livell għoli ta’ likwidità. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni tikkonferma d-determinazjoni u r-riżoluzzjoni tal-awtoritajiet lokali biex jipproteġu lid-depożitanti, filwaqt li jħarsu l-integrità tas-sistema finanzjarja f’pajjiżna.
Min-naħa tagħha, l-MFSA qalet li f’każ li persuna laħqet użat il-faċilità ta’ self min-Nemea Bank jew laħqet għamlet xi depożiti f’dan il-Bank, l-obbligi bejn iż-żewġ naħat jibqgħu fis-seħħ.
Madankollu, l-MFSA nnutat kif għalissa se jibqa’ japplika l-moratorju preżenti fuq depożiti miżmuma mill-Bank, sakemm l-Awtorità toħroġ notifiki oħra. L-MFSA qalet li min jixtieq aktar informazzjoni dwar l-Iskema ta’ Kumpens lid-Depożitant, jista’ jżur is-sit www.compensationschemes.org.mt, iċempel 2144 1155 jew jibgħat email lil info@compensationschemes.org.mt.
Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jikkomunika mal-Bank billi jċempel fuq 2570 8100 jew mal-MFSA fuq 8007 4924.
//= $special ?>