Lokali

FILMAT: “Jgħidu li ħadu ritratti ta’ tfal għax qed jistennew tarbija” – L-Imam dwar il-każ tal-koppja f’The Point

Mohammed Eldakhly ilu jgħix f’Malta għal din l-aħħar sena u li hu flimkien mal-mara tiegħu qed jistennew tarbija.

Nhar il-Ħadd li għadda ttella’ ritratt mit-tabib Jan Chircop li fih jidru koppja Għarbija li allegatament kienu qed jieħdu ritratti ta’ tfal waqt li kienu qed jilgħabu f’The Point, Tas-Sliema. Ir-ritratt beda jinxtered u kienu bosta il-persuni li bdew javżaw lill-ġenituri oħra sabiex joqgħodu attenti meta t-tfal ikunu qed jilgħabu waħedhom.

Ftit tas-siegħat wara, il-Pulizija avżat li kienet qed issir investigazzjoni dwar dan il-każ, sabiex primarjament tikkonferma jekk il-koppja kinitx qed tieħu ritratti ta’ tfal oħra li mhumiex tagħhom waqt li kienu qed jilgħabu.

Ftit jiem wara li ttella’ dan ir-ritratt fuq il-midja soċjali, l-Imam Mohammed El Sadi qal li ltaqa’ mar-raġel li jidher fir-ritratt li kien qed jixxerred fuq il-midja soċjali. Spjega li r-raġel, Mohammed Eldakhly ilu jgħix f’Malta għal din l-aħħar sena u li hu flimkien mal-mara tiegħu qed jistennew l-ewwel tarbija tagħhom. Qal li kien għal dan ir-raġuni li l-koppja bdew jieħdu ritratti ta’ tfal jilgħabu.

L-Imam Mohammed El Sadi flimkien mar-raġel li deher fir-ritratt li kien qed jixxerred fuq il-midja soċjali.

Fuq il-profil ta’ Facebook tiegħu, l-Imam iddeskriva lir-raġel bħala mistħi, edukat u kwiet. Qal li skont il-ħbieb tiegħu, Mohammed Eldakhly hu persuna ta’ integrità, bi prinċipji morali u b’repjutazzjoni tajba ħafna.

Apparti minn hekk, skont ir-raġel, jidher li l-mara tiegħu qed tiċħad li talbet lit-tifel tat-tabib Jan Chircop sabiex imur magħha t-toilet. Filfatt, l-Imam qal li l-Pulizija ma sabitx lill-koppja ħatja, peress li mhux kontra l-liġi li tieħu ritratti ta’ nies li jkunu fil-pubbliku. L-Imam kompla jżid li skont dak li qallu Mohammed Eldakhly, r-raġel ipprova jagħmel kuntatt ma’ Dr Chircop permezz tas-sit soċjali Facebook. Filfatt hu qal li bgħatlu n-numru tal-mobile tiegħu stess sabiex ikun jista’ jagħmel kuntatt dirett miegħu.

Fl-inverstigazzjonijiet tagħha, il-Pulizija tidher li għamlet ħidma ta’ tfittxija kemm fid-dar u anki fil-karozza tar-raġel, apparti li ttieħdu wkoll il-mobiles tal-kopja u l-laptop. L-Imam saħaq iżda li l-Pulizija ma sabet xejn illegali fl-ebda tagħmir elettroniku u lanqas fil-propjetà tal-koppja.

L-Imam ikkonkluda l-messaġġ tiegħu billi staqsa lill-pubbliku sabiex jirrispettaw lill-barranin f’Malta, irrespettivament mir-razza, twemmin jew kulur tal-ġilda, aktar u iktar meta persuna ma tkunx instabet ħatja ta’ akkużi li jkunu saru fil-konfront tagħhom.