Futbol Sport

L-Arġentina jibqgħu jittamaw fil-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja b’gowl ta’ Messi

Javier Mascherano (xellug) jissielet għal ballun ma' Gonzalo Jara (Ritratt: EPA)

Penalty ta’ Lionel Messi kien biżżejed biex it-tim nazzjonali Arġentin jegħleb liċ-Ċili 1-0 u jerġa’ jkabbar it-tamiet tiegħu li jikkwalifika għat-Tazza Tad-Dinja li jmiss. L-istilla ta’ Barcelona skorja l-penalty fis-16-il minuta wara li d-difensur Ċilen Jose Fuenzalida waqqa’ lil Angel Di Maria.

L-Arġentina kienu tilfu żewġ finali konsekuttivi tal-Copa America kontra ċ-Ċili fl-2015 u fl-2016 u d-darbtejn tilfu bil-penalties. Fil-finali tas-sena l-oħra, Messi kien diżappuntat ferm wara li falla l-penalty tiegħu, iżda din id-darba sammar il-ballun wara l-eks sieħbu ma’ Barcelona Claudio Bravo.

Din ir-rebħa ħalliet lit-tim Arġentin fit-tielet post minn għaxra, bi 22 punt minn 13-il logħba. L-ewwel erba’ timijiet jikkwalifikaw awtomatikament għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla fir-Russja.

Tripletta ta’ Paulinho tqarreb lil Brażil għat-Tazza tad-Dinja

Il-Brażil jinsabu seba’ punti vantaġġ fil-klassifika tal-CONMEBOL wara rebħa importanti ta’ 4-1 kontra l-Urugwaj. Minbarra t-tripletta ta’ Paulinho, skorja wkoll Neymar wara li Edinson Cavani kien poġġa’ lill-Urugwaj fil-vantaġġ kmieni fil-partita minn penalty.

Din kienet it-tmien rebħa konsekuttiva tas-Selecao taħt Tite, u biha jinsabu viċin li jkunu l-ewwel tim mill-Amerika ta’ Isfel li jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja, meta għad fadal ħames logħbiet għat-tmiem.

Cavani kien fetaħ l-iskor wara disa’ minuti meta twaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper Alisson. Iżda l-Brażil ġabu d-draw fit-18-il minuta meta Paulinho għamel l-ispazju għalih innifsu u skorja b’xutt għar-rokna minn madwar 25 metru.

It-tim ta’ Tite mar fil-vantaġġ ħames minuti fit-tieni taqsima meta Martin Silva salva parzjalment ix-xutt ta’ Roberto Firmino, biex Paulinho kien pront u skorja mill-viċin. L-Urugwaj pruvaw jidħlu fil-logħba, iżda fil-75 minuta l-Brażil għalqu l-logħba meta kien Neymar li bi bravura qabbeż il-ballun fuq Silva. Paulinho ssiġilla r-rebħa bir-raba’ gowls minuta mit-tmiem.