Ewropa Lokali Mużika

L-Għaqda Każini tal-Banda Maltija nominata għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej mill-MEPs tal-PN

Ir-rebbieħ ta’ dan il-prempju se jintagħżel f’Settembru li ġej.

L-Għaqda Każini tal-Banda f’Malta għandhom jingħataw il-Premju taċ-Ċittadini Ewropej minħabba l-irwol tagħhom fis-soċejtà Maltija. Dan intqal mid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.

Waqt laqgħa tad-delegazzjoni Maltija, l-Ewroparlamentari Maltin David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, li jiffurmaw parti mill-Grupp Popolari Ewropew ddeċidew li jinnominaw lill-Għaqda Każini tal-Banda Maltija għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropej. Ir-rebbieħ ta’ dan il-prempju se jintagħżel f’Settembru li ġej.

L-Ewroparlamentari Maltin qalu li l-każini tal-banda f’Malta jagħmlu impatt fuq it-tfal minn età żgħira ħafna. Qalu li apparti li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu qed jitħarrġu fid-daqq ta’ xi nstrument partikolari, huma jkunu qed jitgħallmu wkoll kif jaġixxu u jħaddnu l-valuri ta’ tolleranza u solidarjetà. Filfatt, il-każini tal-banda jingħad li huma strumentali fil-katina ta’ kultura li tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra u li tinvolvi wkoll il-mara.

Punt ieħor importanti li wieħed għandu jqies hu l-fatt li wħud mill-każini tal-banda Maltin ikollhom ukoll ftehim ma’ bliet oħra Ewropew li jtuhom l-opportunità li jibgħatu lill-mużiċisti tagħhom sabiex idoqqu barra minn xtutna. Apparti minn hekk kien hemm ukoll diversi attivitajiet fejn mużiċisti barranin kienu mistiedna f’pajjiżna.