Lokali Unjoni Ewropea

“L-Unjoni Ewropea trid taġixxi kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi membri” – Il-Kap tal-PN

Waqt diskors li għamel fi tmiem attivita’ organizzata mid-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew dwar is-60 Anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma li permezz tiegħu twaqqfet l-Unjoni Ewropea, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Unjoni Ewropea trid taġixxi kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi membri, inkluż f’Malta.

Simon Busuttil spjega dan il-punt anke f’kummenti li ta lill-ġurnalisti fi tmiem l-attivita’ fl-Universita’.

Matul id-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN tkellem dwar il-fatt li aktar minn 80 fil-mija tal-poplu Malti jemmen li Malta ibbenefikat mis-sħubija fl-UE. Fakkar fil-hidma li saret f’pajjiżna biex il-poplu Malti jagħżel is-sħubija minħabba l-qasma li kien hawn fil-pajjiż dak iż-żmien dwar jekk għandhiex issir membru jew le.

Illum 13-il sena mis-sħubija, Malta tinsab fiċ-ċentru tal-UE, mhux biss membru tal-UE imma wkoll membru taz-Zona Ewro u taz-Zona Schengen.

Dwar il-futur tal-UE, Simon Busuttil qal li jaqbel li tissaħħaħ l-integrazzjoni, li l-pajjiżi membri kollha jingħaqdu fil-glieda kontra t-terroriżmu u jsaħħau d-difiża. Hu qal li jaqbel li l-UE jkollha politika komuni dwar l-immigrazzjoni.

Simon Busuttil għamel ukoll kritika dwar diversi policies li trid tadotta l-UE u qal li s-sistema komuni ta’ taxxa ma tgħoddx għal Malta minħabba l-iżvantaġġi ta’ pajjiż gżira.

Hu qal li l-UE trid tirrikonoxxi li l-Air Malta hi kruċjali għall-Malta u għalhekk irridu nipperswadu lill-UE biex l-Istat ikun jista’ jkompli jiffinanzja lill-Air Malta sakemm din tqum fuq saqajha.

Simon Busuttil feraħ lil dawk kollha li pparteċipaw fl-attività fl-Universita’ inkluż l-għaqdiet tal-istudenti u qal li hu tajjeb li ċ-ċittadini jitkellmu u fejn hemm bżonn jikkritikaw. Hu appella biex l-UE ħadd ma joħodha for granted.