Lokali

“Muscat responsabbli mill-kriżi Kostituzzjonali” – PN

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-drittijiet taċ-ċittadin u x-xandir Clyde Puli sostna dan waqt konferenza tal-aħbarijiet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat hu responsabbli mill-kriżi Kostituzzjonali li teżisti. Dan peress li filwaqt li ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir suppost li taqdi d-dmir tagħha b’mod imparzjali, ingħatat position of trust imħallsa mill-Gvern. Din, flimkien mal-azzjonijiet industrijali tal-ħaddiema li qed iwaqqfu lill-Awtorità mill-funzjonijiet prinċipali ta’ monitoraġġ, hi kriżi Kostituzzjonali, u ta’ dan, minbarra li għandhom jittieħdu l-passi biex tiġi ndirizzata din il-kriżi, għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika.

Dan qalu l-Kelliem tal-Media, l-Komunikazzjoni u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tax-Xandir fil-Ħamrun. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Mary Grace Vella.

Clyde Puli sostna li l-Partit Nazzjonalista ilu li tilef il-fiduċja fiċ-Chairperson attwali, u dan minħabba numru ta’ raġunijiet, ewlenin fosthom il-mod kif titratta l-ħaddiema tal-istess Awtorità. Hu fakkar li l-ħaddiema, permezz tal-UHM-Voice of the Workers kellhom jirrikorru għal numru ta’ azzjonijiet industrijali. “Is-sitwazzjoni fl-Awtorità tax-Xandir hi bla preċedent, fejn għandek il-ħaddiema kollha magħqudin li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu taħt iċ-Chairperson, u bi kriżi Kostituzzjonali fejn Chairperson ta’ awtorità indipendenti tingħata position of trust mal-Gvern,” qal Clyde Puli. Hu qal li l-preċedent inħoloq meta Muscat ħatar persuna li hi inkompetenti fis-settur biex tmexxi waħda mill-aktar istituzzjonijiet importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Awtorità tax-Xandir ma tista’ qatt tkun imparzjali meta għandek iċ-Chairperson li hi position of trust tal-Gvern. “Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista tilef kull fiduċja fiċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, tant li minkejja l-oxxenitajiet kbar li hemm fl-istazzjon nazzjonali, ilu ma jressaq ilment quddiem l-istess Awtorità,” qal Clyde Puli. Hu fakkar li fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, l-irwol tal-Awtorità tax-Xandir ikun aktar kruċjali, u hu għalhekk li l-Prim Ministru għandu jaġixxi malajr biex is-sitwazzjoni fl-Awtorità terġa’ lura għan-normal.

Clyde Puli sostna li t-tensjoni fl-Awtorità tax-Xandir kompliet tiżdied fl-aħħar ġimgħat meta ttieħdet id-deċiżjoni – bil-moħbi ta’ kulħadd – li l-Awtorità tax-Xandir tkun trasferita lejn il-Belt Valletta biex l-uffiċini tal-Ħamrun jingħataw lill-Ministeru ta’ Chris Cardona, li issa laħaq Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Hu qal li l-proċess dwar dan it-trasferiment ma kienx wieħed trasparenti u joħloq dubji kbar, b’mod partikolari mal-ħaddiema li mhux se jkollhom kundizzjonijiet aħjar, iżda agħar.

Minn naħa tagħha, Mary Grace Vella qalet li dak li qed jiġri fl-Awtorità tax-Xandir – li hu bla preċedent – jikkonferma kemm il-proposti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dwar l-Awtorità tax-Xandir jagħmlu sens u hemm bżonnhom. Hi fakkret li fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, Simon Busuttil diġà impenja lilu nnifsu li malli jkun Prim Ministru, l-ħatriet ta’ karigi pubbliċi għoljin, fosthom ta’ Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir jinħatru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament, kif ukoll li l-għamla tal-Awtorità tax-Xandir tkun riveduta biex titnaqqas minnha l-influwenza tal-partiti politiċi.