Lokali Qorti

Raġel jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ attentat ta’ serq

Il-Qrati tal-Ġustizzja - Arkivji

Il-Libjan Mohamed Mokthar Jamhur ta’ 25 sena minn Tripli residenti l-Belt kien akkużat b’akkużi separatati ta’ attentat ta’ serq u li kkaġuna ħsara fi propjetà ta’ ħaddieħor.

Il-każ beda wara li l-pulizija kienet informata b’telefonata anonima li fl-4 am kien hemm persuna li kien qed jipprova jikkaġuna ħsara f’karrozzi Fuq il-Fosos tal-Floriana.

Il-pulizija marret fuq il-post fejn sabet żewġ vetturi li fuqhom kien jidher li sar attentat ta’ serq. Waħda minnhom kellha l-ħġieġa mkissra. Il-pulizija fittxet iż-żona għall-aggressur u qabditu fil-Polklinika tal-Floriana fejn kien arrestat.

L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih iżda ma ngħatax il-libertà porviżorja. Id-Difiża tal-akkużat qalet li l-Libjan kellu problema ta’ droga.

Il-Qorti innotat li l-Libjan kien riċediv wara li f’Novembru li għadda ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża. Fi Frar il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża kien estiż wara li Jamhur ammetta li kien ipprova jisraq karrozza oħra fil-Floriana.

Il-Qorti żammet lill-akkużat arrestat u rrakkomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex jippovdi assistenza lil Jamhur biex jgħeleb il-problema tad-droga.