Futbol Sport

Rebħiet għal Spanja u l-Italja fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja

Gianluigi Buffon li kien qed jilgħab l-1000 logħba fil-karriera, jieħu l-pussess tal-ballun minn kross tal-Albanija (Ritratt: EPA)

Spanja u l-Italja komplew bit-taqtigħa ta’ bejniethom fi Grupp G meta t-tnejn rebħu l-partiti f’darhom kontra Iżrael u l-Albanija rispettivament. Spanja għelbu lit-tim nazzjonali tal-Iżrael 4-1 f’Estadio El Molinon ta’ Gijon. Kien DAVID SILVA li fetaħ l-iskor wara 13-il minuta, biex VITOLO rdoppja eżatt qabel il-mistrieħ. DIEGO COSTA għalaq il-partita bit-tielet gowl fil-51 minuta, b’LIOR RAFAELOV jiskorja gowl tal-bandiera għal Iżrael. ISCO skorja r-raba’ gowl ta’ Spanja fit-88 minuta.

L-Italja rebħu 2-0 fi Stadio Renzo Barbera ta’ Palermo. Huma marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta meta Andrea Belotti rebaħ penalty wara fawl ta’ Basha. Mill-11-il metru, DANIELE DE ROSSI ma żbaljax b’xutt fil-baxx fuq ix-xellug. It-Taljani rduppjaw fl-71 minuta meta minn kross ta’ Davide Zappacosta, kien l-attakkant CIRO IMMOBILE li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Strakosha.

Fil-partita l-oħra minn Grupp G, il-Maċedonja għelbet lil Liechtenstein 3-0. BOBAN NIKOLOV fetaħ l-iskor żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, biex doppjetta tal-attakkant ta’ Palermo ILIJA NESTOROVSKI fit-68 u fit-73 minuta għalqet il-partita.

Minn Grupp D, is-Serbja kisbu t-tielet rebħa tagħhom fil-grupp wara rebħa ta’ 3-1 fuq Georgia. Kienu l-Georgjani li fetħu l-iskor fis-sitt minuta minn NIKA KATCHARAVA, iżda penalty ta’ DUSAN TADIC eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima ġab l-iskor indaqs. ALEKSANDAR MITROVIC għamel l-iskor 2-1 fl-64 minuta biex MIJAT GACINOVIC għalaq il-logħba fis-86 minuta.

L-Awstrija tħabtu mhux ftit biex għelbu lil Moldova 2-0. Il-gowls waslu fl-aħħar kwarta tal-logħba permezz ta’ MARCEL SABITZER fil-75 minuta, b’MARTIN HARNIK jagħlaq il-logħba fid-90 minuta. Fil-partita l-oħra, l-Irlanda u Wales spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.

Il-Kroazja żammew il-quċċata ta’ Grupp I, b’rebħa minima fuq l-Ukrajna. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat mill-attakkant NIKOLA KALINIC fit-38 minuta.

L-Iżlanda għelbu lil Kosovo 2-1 b’gowls minn BJOERN SIGURDASON fil-25 minuta u penalty ta’ GYLFI SIGURDSSON għaxar minuti wara. ATDHE NUHIU skorja fit-52 minuta għal Kosovo.

It-Turkija rebħu 2-0 kontra l-Finlandja b’doppjetta ta’ CENK TOSUN fid-9 u t-13-il minuta.