Erba’ ġimgħat wara li kien żvelat il-każ tal-indħil minn żewġ politiċi tal-Gvern f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex, il-Gvern ippubblika it-‘terms of references’ tal-bord tal-inkjesta li ngħatat mandat li tinvestiga l-każ. It-terms of reference huma l-iskopijiet u l-oġġettivi tal-inkjesta.
L-inkjesta qed issir mill-eks-kandidat Laburista John Vassallo, wara li l-Avukat Frank Testa kien talab lill-Prim Ministru biex ma jmexxix l-inkjesta. Kienet il-gazzetta Maltatoday li żvelat l-istorja xokkanti ta’ żewġ Ministri tal-Gvern li indaħlu f’każ ta’ traffikar tad-droga, fejn fis-satra tal-lejl iltaqgħu ma’ wieħed mill-ġenituri tat-traffikanti. Laqgħa li wasslet biex inbidlu l-istatements tat-traffikanti tad-droga.
Sa ftit siegħat ilu, il-Prim Ministru ħarab milli jirrispondi l-mistoqsija ta’ jekk kienx jaf min huma ż-żewġ Ministri involuti. Kemm il-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo kif ukoll il-Ministru Manwel Mallia, li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Pulizija, ċaħdu li huma involuti. Anke d-deputat Justyne Caruana ċaħdet.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija insista li l-Prim Ministru jgħid min huma ż-żewġ Ministri li ndaħlu biex inbidel l-istatement tal-każ tat-traffikar tad-drogi f’Għawdex. It-termini ta’ referenza tal-inkjesta dwar il-każ tal-indħil fit-traffikar tad-droga f’Għawdex qegħdin xahar tard.
Muscat ħaġa waħda għandu jagħmel f’dan l-istadju: jgħid min huma ż-żewġ Ministri li ltaqgħu tard bil-lejl fil-Ministeru ta’ Għawdex f’Ottubru 2013, u li wara dik il-laqgħa nbidel l-istatement dwar żewġ traffikanti tad-droga. Jekk ma jagħmilx hekk, Muscat ikun qed jiddefendi lil min jittraffika d-droga, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>