Ilbieraħ filgħaxija, Somalu ta’ 22 sena sofra daqqiet ta’ sikkina u b’kawża ta’ dawn tħalla fil-periklu tal-mewt wara li għall-ħabta tas-6:30p.m. inqala argument f’bar f’Xatt il-Mollijiet fil-Marsa.
Ir-raġel instab mixħut mal-art fl-ewwel sular tal-bar wara li jidher li qala’ d-daqqiet ta’ sikkina konsegwenza ta’ argument. Sorsi infurmaw lil NET News li r-raġel sofra żewġ daqqiet ta’ sikkina, waħda fonda 3 ċentimetri u oħra 6 ċentimentri. Mal-ewwel fuq il-post issejħu l-Pulizija kif ukoll ambulanza li ħadet ir-raġel l-isptar.
L-aggressur li wettaq dan l-att għadu s’issa ma nstabx, u l-Pulizija qed tinvestiga l-każ. Sorsi infurmaw lil NET News li fuq il-post kien hemm xhieda li taw direzzjonijiet ta’ fejn dan l-aggressur ta’ nazzjonalita’ Somala wkoll huwa residenti. Il-Pulizija marret tfittex fid-dar tiegħu, iżda hemmhekk ma nstabx lanqas.
L-aggresur qed jiġi imfittex mill-Pulizija f’Marsaskala, fejn nifhmu li aktarx dan l-istess persuna huwa magħruf mal-Pulizija wara azzjonijiet kriminali simili xi ġimgħat ilu.
L-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt waqt li l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Charmaine Galea.
NET News mar mal-ewwel fuq il-post jirraporta dak li seħħ.
//= $special ?>