Lokali

FILMAT: “Kont int il-Ministru li ndħalt fit-traffikar tad-droga f’Għawdex?” – Owen Bonnici ma jweġibx

F'konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, Owen Bonnici ma jirrispondix jekk hu ndaħalx fil-każ tat-traffikar tad-droga

Il-Ministru Owen Bonnici ma weġibx meta kien mistoqsi ċar u tond jekk kienx hu li ltaqa’ mal-missirijiet tat-traffikanti tad-droga f’lejl ta’ Ottubru 2013 fil-Ministeru ta’ Għawdex, u li wara l-laqgħa nbidel l-istatement li wassal biex it-traffikanti tad-droga ma jitressqux il-Qorti.
Meta mistoqsi jekk hux involut f’dan l-iskandlu, Owen Bonnici rrefera għall-inkjesta li qed titmexxa mill-eks kandidat Laburista John Vassallo.

Owen Bonnici ma weġibx lanqas jekk il-Prim Ministru sejjaħlux biex jagħti l-verżjoni tiegħu dwar dan il-każ, u ma qalx lanqas min huma l-Ministri l-oħra jekk mhux hu.

Mistoqsi x’għandhom jagħmlu l-Ministri involuti f’dan l-iskandlu, Owen Bonnici qal li issa l-poplu jiġġudika ladarba toħroġ l-inkjesta fil-5 ta’ April li ġej.

Il-każ qiegħed dejjem jitħabbel hekk kif Anton Refalo, Manuel Mallia u Justyne Caruana qed jiċħdu li huma nvoluti f’dan il-każ. Issa, Owen Bonnici għażel li ma jweġibx. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti mal-Prim Ministru biex jgħid min huma ż-żewġ politiċi nvoluti u x’passi se jittieħu dwarhom. Il-Prim Ministru, iżda, qed jibqa’ jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet dwar dan il-każ serju.

Fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li kuntrarjament għal Joseph Muscat li jinsab ostaġġ tad-deals korrotti li għamel lejliet l-elezzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dejjem kien ċar, jiġifieri li bejn dak li hu sewwa u dak li hu faċli, jagħżel dejjem dak li hu sewwa.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-aktar ħaġa faċli għal Simon Busuttil kienet li minħabba donazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista kien irċieva mingħand min ingħata l-art tal-ITS bir-ribass, ma jgħid xejn u jħalli kollox għaddej. Iżda min jagħmel hekk ikun politiku korrott. Simon Busuttil hu l-oppost ta’ dan u tkellem u aġixxa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi li qed jiġi misruq għaliex ta art li tiswa’ aktar minn €200 miljun se jkunu qed jitħallsu biss €15-il miljun.

L-istqarrija tgħid li Simon Busuttil ma jinxtarax u dan il-każ ikkonferma s-serjetà u l-integrità ta’ Simon Busuttil. Ebda donazzjoni jew relazzjoni kummerċjali ta’ sponsorship ta’ programmazzjoni ma waqqfitu milli jitkellem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.