Il-captain ta’ Birkirkara u plejer tat-tim nazzjonali Gareth Sciberras se jtemm il-karriera tal-futbol fi tmiem l-istaġun. Ħabbar dan ftit tal-ħin ilu, waqt il-konferenza stampa bi preparazzjoni għal partita li t-tim nazzjonali Malti għandu għada kontra s-Slovakkja fl-Istadium Nazzjonali, logħba li għalih se tkun l-aħħar waħda mat-tim nazzjonali.
Sciberras qal li jinsab kburi u onorat li jilgħab daqstant żmien mat-tim nazzjonali u fil-futbol Malti, f’karriera twila 17-il sena. Il-midfielder ta’ 33 sena rringrazzja lill-plejers kollha li lagħab magħhom, lill-kumitati, il-partitarji, lill-assoċjazzjoni, u lil kulħadd speċjalment lill-mara tiegħu Daniela tas-sapport li dejjem irċieva.
Gareth Sciberras qal li bħalissa mhux qed jaħseb x’jista’ jagħmel fil-futbol wara li jirtira, fejn qal li għalissa se jkun igawdi l-ħin li jkollu mal-familja. Hu kellu kliem ta’ tifħir għal futbol lokali fejn qal li ħadd ma jista’ jiċħad il-progress li sar kemm fir-ritmu tal-logħba, u l-plejers ta’ kwalità, iżda sostna li rridu nkunu umli u nieħdu kull opportunità li jkun hemm biex il-futbol ikompli jitjieb.
Il-midfielder ta’ 33 sena kien ingħaqad ma’ Birkirkara f’Ġunju tal-2011, wara karriera mal-kbar ma’ Pieta Hotspurs u Marsaxlokk. Mat-tim nazzjonali kien għamel id-debutt fil-11 ta’ Diċembru tal-2003 fit-telfa ta’ 4-0 tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Polonja.
Sciberras rebaħ il-kampjonat Malti darba ma’ Marsaxlokk u darba ma’ Birkirkara fejn mal-Istripes rebaħ ukoll l-FA Trophy u s-Super Cup. Hu kien parti mit-tim li fih Birkirkara kitbu paġna ġdida fl-istorja tal-futbol Malti wara li fis-sajf li għadda kienu għaddew għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League.
//= $special ?>