Internazzjonali

Ikomplu l-investigazzjonijiet wara t-terrur f’Londra

Sigurta massima f'Londra

Il-Pulizija fir-Renju Unit għadha qed tinterroga lil żewġ irġiel taħt arrest waqt li komplew l-investigazzjonijiet dwar l-attakk mdemmi ta’ nhar l-Erbgħa fiz-zona ta’ Westminster, f’Londra.

Il-Pulizija qed tipprova tistabbilixxi jekk it-terrorist responsabbli, Khalid Masood, wettaqx l-attakk inkwistjoni fuq l-inizjattiva tiegħu u mingħajr l-għajnuna ta’ kompliċi. Dan meta l-awtoritajiet għadhom jindagaw jekk l-aggressur ħax l-ispirazzjoni minn propaganda terroristika inkella kienx appoġġjat jew immexxi minn ħaddieħor. Massod, nhar l-Erbgħa kien saq karozza b’veloċità għal fuq in-nies fuq il-Pont ta’ Westminster fejn ħalla erba’ mejtin u għexieren ta’ midruba. L-aggressur, wara, attakka pulizija għassa mal-Parlament fil-qalba ta’ Londra u qatlu b’daqqiet ta’ sikkina. It-terrorista, imbagħad, inqatel hu ukoll mill-membri tal-korp  fuq il-post u fetħu n-nar għal fuqu.

L-aħħar rapporti qalu li issa nħelsu seba’ fost il-11 il-persuna li spiċċaw arrestati minn dakinar tal-attakk u li dawn mhumiex mistennija jiffaċċjaw azzjoni. Fl-istess ħin, żewġ nisa li kienu nġabru mill-pulizija ngħataw il-libertà proviżorja sal-aħħar tax-xahar. Il-Pulizija anki qed jinvestigaw jekk it-terrorista Masood bagħatx messaġġ sigriet permezz ta’ WhatsApp ftit qabel saq il-karozza minn fuq il-pont ta’ Westminster. Dan fost rapporti li t-terrorista kien  bagħat messaġġ minn fuq il-mowbajl tiegħu xi żewġ minuti qabel saq għal fuq in-nies.