Ewropa Kungress EPP Malta Lokali Unjoni Ewropea

Il-preparamenti għall-Kungress tal-PPE fl-aqwa tagħhom

Nhar l-Erbgħa u l-Ħamis li ġej, f’Malta se jkun qed jitlaqqa’ l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew

Nhar l-Erbgħa u l-Ħamis li ġej, f’Malta se jkun qed jitlaqqa’ l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li se jġib Malta aktar minn 1,000 delegat u mexxejja Ewropej, fosthom il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-President ta’ Spanja Mariano Rajoy, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.

Dawn kollha, flimkien ma’ mexxejja oħra Ewropej se jingħaqdu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, biex flimkien, jiddiskutu l-futur tal-Ewropa.

Il-preparamenti f’pajjiżna diġà għaddejjin ġmielhom kif jista’ jara kull min jgħaddi minn San Ġiljan. Fil-fatt, fil-viċinanzi tal-post li se jkun qed jospita dan il-Kungress – il-lukanda Intercontinental – jidhru numru ta’ billboards u reklamar ieħor dwar il-Kungress.

Il-preparament bdew ukoll fil-lukanda li se tkun qed tospita mhux biss il-mexxejja Ewropej iżda mijiet ta’ ġurnalisti Ewropej li ġejjin f’Malta apposta għal dan il-Kungress.

Minbarra l-Kungress – li se jsir f’Malta għall-ewwel darba – pajjiżna se jkun qed jospita wkoll l-istudy days tal-Membri tal-Parlament Ewropew fil-lukanda Hilton.

Dan il-Kungress se jkun qed isir Malta wara stedina tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Media.link Communications se jkun qed iwassal servizz speċjali matul dawn il-ġranet b’rappurtaġġ estensiv kif ukoll xandiriet live ta’ dak kollu li jkun qed jiġri waqt dan il-Kungress.

Net Television, Radio 101 u l-Facebook Page ta’ Net News se jkunu qed ixandru programmi speċjali mill-Kungress nhar l-Erbgħa li ġej mis-13:15 ta’ waranofsinhar sal-22:30 ta’ filgħaxija, kif ukoll il-Ħamis mid-09:30 ta’ filgħodu sat-15:30 ta’ waranofsinhar.