Internazzjonali Unjoni Ewropea

“L-Unjoni Ewropea trid tkun għaqda ta’ solidarjetà u ġustizzja” – Jean Claude Juncker

Jean-Claude Juncker

Meta kien qed jindirizza lill-mexxejja Ewropej fiċ-ċerimonja tas-sittin sena mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker appellalhom biex jaħdmu flimkien għat-tisħiħ tas-solidarjetà u l-ġustizzja fl-Ewropa.

“Ma rridux inharsu lura biss. Meta nzur pajjiżi oħra ninnota kemm oħrajn iħarsu lejna u dak li qed niksbu. Fl-aħħar sittin sena ksibna xi ħaġa li ħadd ma ħaseb possibbli: paċi wara tant snin ta’ gwerer u ġlied,” qal bi kburija Juncker.

Kompla: “Għandna nkunu kburin b’dak li ksibna, għandna nkunu kburin li ġibna l-paċi, munita komuni, hloqna l-ikbar suq komuni fid-dinja u għaqqadna l-istorja u l-ġeografija tal-Ewropa b’għaqda, persistanza u determinazzjoni.”

Fid-dawl ta’ dan madankollu kompla li issa hu l-mument li l-mexxejja lkoll flimkien iharsu ‘l quddiem biex dak li nkiseb fil-passat jissaħħaħ illum-il ġurnata wkoll.