Ambjent Lokali

Mil-lum jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa

L-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena jiftaħ mil-lum u jibqa’ miftuħ sal-Ġimgħa 14 ta’ April.

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li l-istaġun tal-2017 se jiftaħ biss għall-kaċċa fuq is-summien wara l-moratorju impost is-sena li għaddiet fuq il-gamiem konsegwenza tad-dikjarazzjonijiet li saru mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u mill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Karmenu Vella dwar is-sostenibbiltà ta’ staġun ta’ kaċċa fir-rebbiegħa fuq din l-ispeċi vulnerabbli. L-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura kienet irrevediet l-istatus tal-konservazzjoni tal-gamiema għal ‘vulnerabbli’ f’Ġunju 2015 konsegwenza ta’ tnaqqis kontinwu li kien reġistrat fil-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur fiz-zoni fejn ibejjet.

Din se tkun l-ewwel darba mill-2009 li l-gamiema mhux se tkun tista’ tiġi kkaċċjata legalment tul ir-rebbiegħa. Il-kwota komplessiva hija ta’ 5,000 summiena waqt li l-kwota ta’ għasafar li persuna liċenzjata tista’ taqbad hija ta’ ħames summiniet f’ġurnata waħda u ta’ għaxar summiniet tul l-istaġun kollu.

Waqt li dan ifisser żieda fuq is-snin ta’ qabel, il-ħinijiet baqgħu listess, bil-kaċċa se tkun permessa minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar f’kullġurnata tal-istaġun. Il-kaċċaturi huma obbligati jirrappurtaw kull għasfur li jiġi maqbud billi jċemplu fuq in-numru indikat fil-Liċenzja Speċjali.

L-iskop tad-dati magħżula hu li dawn jaħbtu mal-passa tas-Summien u tiġi evitata l-passa tal-Gamiem li tilħaq il-qofol tagħha lejn it-tieni nofs ta’ April. Ftit iktar minn 6,650 kaċċatur applikaw għall-istaġun ta’ din is-sena skont informazzjoni mgħoddija mill-Wild Birds Regulation Unit waqt l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Ornis. ’Il fuq minn 60 uffiċjal tal-pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta għandhom ikunu qed jissorveljaw is-sitwazzjoni.

BirdLife Malta kkummentaw dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa u qalu li l-pożizzjoni tagħhom tibqa li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni xjentifika għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana sostna li BirdLife Malta ilha konsistenti s-snin fl-argumenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni biex tkun permessa l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta. L-unika raġuni għalfejn Malta tapplika d-deroga mid-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar hi sempliċiment minħabba l-wegħdi politiċi.

Studji xjentifiċi kkummissjonati mill-Gvern stess juru li fil-ħarifa jgħaddi bizzejjed Summien filwaqt li dawk kollha li jifhmu verament xi jfissru l-valuri tal-konservazzjoni jafu li għasafar li jkunu fi triqithom biex ibejtu għandhom jiġu mħarsa u mhux maqtula.

L-esperjenza tal-istaġuni l-imgħoddija turi li hu prattikament impossibbli li wieħed jikkontrolla l-kwoti tas-summien u din is-sena l-kwoti individwali ġew miżjuda minkejja li l-kaċċaturi ftit li xejn iddikjaraw li qabdu għasafar fis-snin li għaddew matul ir-rebbiegħa.