L-akbar attivita’ tekonoloġika f’Malta qed tiġi organizzata fi tmiem din il-ġimgħa fl-MFCC Ta’ Qali. Din is-sena l-Malta Robotics Olympiad qed tiġi organizzata fuq jumejn u fiha hemm diversi attivitajiet li jattiraw lill-kulħadd.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia żaret din l-attivita’ li tattira studenti minn skejjel lokali li qegħdin jaspiraw li jkollhom karriera fid-dinja tat-tekonoloġija, sabiex juru l-kapaċitajiet tagħhom u anke jispiraw ruħhom minn ideat innovattivi li jiġu eżebiti fil-Malta Robotics Olympiad. F’isem il-Partit Nazzjonalista wkoll żaret l-attivita’ Dounia Borg bħala kandidata ġdida.
F’kumment lil NET News, Therese Comodini Cachia saħqet li “Inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu inkoraġġjati għax jattiraw żgħażagħ sa minn eta’ bikrija biex jieħdu interess fid-dinja diġitali. L-impjiegi preżenti u aktar u aktar dawk fil-futur ser jirrikjedu komponent importanti ta’ ħiliet diġitali speċjalizzati li huma mhux biss meħtieġa iżda essenzjali”. L-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista kienet akkumpanja mill-Uffiċjal għall-Edukazzjoni tal-ICT u Computing James Catania.
Fost id-diversi attivitajiet li qed jiġu organizzati matul tmiem din il-ġimgħa hemm id-Design and Techonology Expo fejn il-pubbliku hu mistieden jipparteċipa f’attivitajiet interattivi bl-użu ta’ tekonoloġija avvanzata; fejn fost l-oħrajn hemm 3D printer.
Attivita’ oħra li ġiet organizzata kienet dik tal-konferenza EDx Conference li se tiġi indirizzata minn kelliema lokali u anke barranin, fejn se jitkellmu dwar numru ta’ avvanzi tekonloġiċi li saru dan l-aħħar lill-pubbliku. Fost il-kelliema hemm Alexei Dingli u Matthew Montebello li t-tnejn jgħallmu l-Fakulta tal-ICT fl-Universita’ ta’ Malta.
Fil-Malta Robotics Olympiad ġew organizzati wkoll diversi kompetizzjonijiet fosthom tlielaq nazzjonali tad-drones, kompetizzjoni tal-Lego Sumo International u MRA Big Challenge fejn timijiet jikkompetu biex jibnu robot li kapaċi jegħleb numru ta’ ostakli.
//= $special ?>