Illum, saru s-sessjonijiet tal-eżamijiet tal-O Levels tat-Taljan fejn l-istudenti jiġu mitluba jisimgħu silta bil-lingwa Taljana imbagħad jirrispondu l-mistoqsijiet dwar dak li jkunu fehmu. Dan sabiex l-istudenti jiġu eżaminati fuq il-kapaċita’ tagħhom ta’ kemm jifhmu t-Taljan.
Iżda jirriżulta li numru ta’ studenti li marru għal dan l-eżami ħarġu ddiżappuntati hekk kif fi skola partikolari, dik tal-kulleġġ ta’ De La Salle, saru diversi sessjonijiet ta’ dan it-tip ta’ eżami fejn is-silta li nstemgħet kellha kwalita’ ħażin u l-istudenti ma fehmux sew dak li ġew eżaminati fuqu.
Ta’ min jinnota li fis-snin li għaddew dan l-eżami tat-Taljan kien jinqara dak il-ħin stess fil-klassi u mhux tinstema silta minn fuq l-ispeakers.
Studenti u ġenituri li tkellmu ma’ NET News stqarru li jinsabu ferm iddiżappuntati li ma ġiex assigurat li problemi bħal dawn ma jinqalgħux, aktar u aktar meta l-istudenti jkunu diġa’ imħassba dwar l-eżami, aħseb u ara meta jinqalgħu problemi bħal dawn li setgħu jiġu evitati faċilment.
Jidher li din il-problema fil-kwalita’ tas-silta li instemgħet waqt il-listening comprehension tat-Taljan baqgħet issir sessjoni wara oħra, u ma kienx grupp wieħed biss ta’ studenti li ġew affetwati minn dan in-nuqqas.
Studenti oħra gergru li ma jistgħux jifhmu kif għandek eżami li jiddependi mis-smiegħ u kemm kapaċi tifhem sew dak li qed jintqal fir-recording, u imbagħad titħalla l-qanpiena tal-iskola ddoqq waqt dan l-istess eżami.
B’reazzjoni għal din l-aħbar li qed tkompli tiżviluppa, l-għaqda studenteska SDM qalet li għamlet kuntatt mal-MATSEC, il-bord tal-eżamijiet, fejn wasslet id-diżappunt tal-istudenti u issa qed tistenna kjarifikazzjoni fuq dak li seħħ u x’se jsir għal istudenti li ġew affetwati.
//= $special ?>