Lokali

Tkompli l-kriżi fl-Awtorità tax-Xandir – Muscat s’issa ma jieħu l-ebda azzjoni

Iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona

Irrapurtat li Borg Cardona qed titħallas kważi €30,000 talli hija person ta’ fiduċja fit-taqsima tal-Gvern li qed tieħu ħsieb il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Dan apparti l-ħlas ta’ €20,000 oħra fis-sena u €500 fix-xahar li huma kapriċċi bħala Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir.

Tkompli l-kriżi fi ħdan l-Awtorità tax-Xandir hekk kif Joseph Muscat għadu ma għamel ebda kuntatt maċ-Chairperson tal-Awtorità Tanya Borg Cardona fid-dawl tal-kriżi li l-Awtorità ilha għaddejha minnha f’dawn l-aħħar ġimgħat. The Times of Malta qalet dan fejn sostniet li akkost dan kollu ma kien ebda reazzjoni mill-Prim Ministru dwar din il-problema li ilha tippersisti fl-Awtorità tax-Xandir f’dan l-aħħar tliet ġimgħat.

F’mistoqsijiet mibgħuta lil Muscat, il-gazzetta rrapurtat li għadu ma weġiebx għall-mistoqsjiet li huma għamlu fejn fost l-oħrajn talbuh biex fid-dettall jelabora aktar il-kumment tiegħu fil-Parlament fejn il-problema fl-Awtorità qed tikkonċernah.

Il-Ġimgħa ġie rrapurtat li Tanya Borg Cardona, apparti l-paga ta’ Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, qed titħallas kważi €30,000 talli hija person ta’ fiduċja fit-taqsima tal-Gvern li qed tieħu ħsieb il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.

Dan apparti l-ħlas ta’ €20,000 oħra fis-sena u €500 fix-xahar li huma kapriċċi bħala Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir.

Il-Partit Nazzjonalsita permezz tal-kelliem tiegħu għad-drittijiet taċ-ċittadin u x-xandir Clyde Puli qal li Tanya Borg Cardona minbarra din il-kariga tagħha, li titlob imparzjalità, ġie żvelat kif għandha position of trust mal-gvern ukoll b’rabta mal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dawn iż-żewġ karigi jwasslu għal kunflitt ta’ interess.

Clyde Puli sostna wkoll li dan hu każ li jekk Tanya Borg Cardona ma titlaqx minn jeddha, għandha titneħħa. Kien il-Prim Ministru li poġġa lil Borg Cardona fil-kariga ta’ Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u għalhekk għandu jkun hu li jneħħiha.

Fl-aħħar jiem ħaddiema fi ħdan tal-Awtorità tax-Xandir qalu li Tanya Borg Cardona timxi m’uħud b’mod disrispettuż ħafna, fejn anke l-UĦM – Voice of the Workers ħarġu direttivi dwar dan.

Akkost dan kollu Borg Cardona insistiet li hi m’hi tagħmel xejn ħażin u mhux tmur kontra l-kodiċi tal-etika anke jekk qed titħallas f’aktar €50,000 fis-sena minn fuq it-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.