Lokali

FILMAT: ‘Inkjesta paraventu biex tinħeba l-verità’

Id-Deputat Frederick Azzopardi jħabbar li se jerġa' jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Jgħid li 'kienu l-arroganza u l-korruzjoni sfrenata ta' dan il-Gvern' li xprunawh

L-arroganza u l-korruzzjoni sfrenata tal-Gvern Laburista wasslu biex id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi iddeċieda li jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, anke peress li l-kunidzzjoni ta’ saħħtu qelbet għall-aħjar.

Frederick Azzopardi ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Mellieħa.

“Id-deċiżjoni li ħadt li nerġa’ nikkontesta l-elezzjoni kienet diċiżjoni tiegħi u ta’ ħadd aktar” sostna Frederick Azzopardi. Kienet l-arroganza u l-korruzzjoni sfrenata ta’ dan il-Gvern li xprunawni biex inkun fuq quddiem ma’ sħabi l-kandidati u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil” saħaq Frederick Azzopardi. “Ħadt din id-deċiżjoni għax konvint li pajjiżna għandu bżonn tmexxija li ġġib lura senrenità f’pajjiżna” żied jgħid.

Frederick Azzopardi, deputat elett fuq Għawdex, tkellem ukoll dwar l-indħil minn politiċi tal-Gvern f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex, bid-deputat Nazzjonalista jgħid li hu ovvju li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jridx inkjesta indipendenti biex tinvestiga dan il-każ.

“Bil-ħatra ta’ John Vassalo (biex imexxi l-inkjesta), il-Prim Ministru qed juri li assolutament ma jridx li ssir inkjest serja u indipendenti, iżda inkjesta paraventu li tagħtih riżultat li jaqbel lilu” qal id-Deputat Nazzjonalista.

Dwar l-istess suġġett tkellmet il-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Evelyn Vella Brincat, li tkellmet dwar il-mod kif il-Gvern, flok jaqbeż għall-vittmi tad-droga, qed jiddefendi lit-traffikanti, bi Gvern li qajla għandu interess isir jaf il-verità.

“Il-problema li t-tfal tagħna jistgħu jiċċapsu bid-droga hi l-ħmar il-lejl ta’ kull omm” fissret Evelyn Vella Brincat. “L-ebda mara ma tista’ torqod fil-paċi meta taf li minflok jipproteġu lil uliedna mit-traffikanti, il-Puliżja u l-membri għolja ta’ dan il-Gvern, jidher li ħadmu flimkien biex jipproteġu lit-traffikanti minflok lill-vittmi” temmet tgħid Everlyn Vella Brincat.