Lokali

FILMAT: ‘Inwiegħdek l-istess paga għall-istess xogħol’ – Simon Busuttil

'Se nagħtu rebbiegħa ġdida lill-poplu Malti u Għawdxi'

Gvern ġdid Nazzjonalista jiġġieled l-inġustizzji, jeqred il-biża’ li qed idaħħal il-Gvern u jagħmel ġustizzja ma’ ħaddiema li llum qed ikunu ddiskriminati fil-pagi tagħhom. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’diskors waqt attività politika fil-Mellieħa, li matulu wiegħed l-istess paga għall-istess xogħol.

“Inwiegħed lil dawn il-ħaddiema li Gvern ġdid Nazzjonalista jirrispetta l-prinċipju tal-istess paga għall-istess xogħol. Aħna nitrattawkom ugwali, l-istess, b’dinjità u ma nagħmlu preferenzi ma’ ħadd” sostna Simon Busuttil. “Inwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq ġustizzja ma’ dawk kollha li qed isofru vendikazzjoni u umiljazzjoni mill-Gvern ta’ Joseph Muscat sempliċiment għax ma jaqblux miegħu” żied jgħid filwaqt li wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-inġustizzji u jeqred il-biża’ li qed idaħħal il-Gvern.

Filwaqt li spjega l-viżjoni tiegħu għal Malta, Simon Busuttil tkellem ukoll il-mod kif Gvern ġdid Nazzjonalista jagħi rebbiegħa ġdida lil pajjiżna.

Waqt id-diskors tiegħu, Simon Busuttil tkellem dwar il-bżonn ta’ nifs ġdid għal pajjiżna, nifs mill-iskandli u l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista, l-aktar gvern korrott li qatt pajjiżna, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-aktar każ riċenti ta’ persuni fir-reġistru elettorali li jistgħu jivvutaw darbtejn.

“Din hija aħbar li mhux biss hija xokkanti u li tirrabjana” spjega Simon Busuttil. “Imma hija aħbar li ssaħħaħ id-determinazzjoni tagħna li niġġieldu l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern li issa jinsab lest li jbgħabas id-demokrazija, l-aktar ħaġa għażiża li għandna” żied jgħid. “Ir-risposta tagħna hija ċara: mhux se nħalluk tbgħabas l-elezzjoni ġenerali. Se ssib lill-Partit Nazzjonalista jiqaflek” sostna Simon Busuttil.

Filwaqt li rrefera għas-sitwazzjoni li qed tikrolla fl-istituzzjonijiet li suppost jiddefendu l-interessi tan-nies, bħall-Awtorità tax-Xandir, Simon Busuttil irrefera għal skandlu ieħor li dwaru Joseph Muscat qed jibqa’ sieket; l-indħil minn żewġ politiċi tal-Gvern f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex. Muscat qed jirrifjtua li jistaqsi lill-Ministri tiegħu min indaħal f’dan il-każ.

“Joseph Muscat kellu għażla quddiemu. Fuq naħa kellu lit-traffikant tad-droga, u fuq in-naħa l-oħra kellu l-vittmi. Joseph Muscat għażel li jiddefendi lit-traffikanti tad-droga” sostna Simon Busuttil, li żied li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħżel l-interessi tat-tfal tagħna. “Aħna qegħdin fuq in-naħa tagħkom. Filwaqt li dan il-Gvern jagħtikom daru, aħna lesti li nkunu hemm għalikom billi niġġieldu ġlieda qawwija kontra d-droga u kontra min jitraffika d-droga” żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li spjega li din se tkun ġlieda favur il-ġenituri, iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar it-tbatija li qed ibatu eluf fuq eluf ta’ persuni, fosthom pensjonanti. “X’jiswa’ li tkun għamilt ħajtek kollha tħallas sal-inqas ċenteżmu taxxa u bolol, imbgħad tirtira u ssib li m’intix tlaħħaq bil-pensjoni” staqsa Simon Busuttil li qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jkun lest li jindirizza l-biża’ tal-anzjani li jispiċċaw fil-faqar malli jirtiraw, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jwiegħed li l-anzjani se jingħataw il-mediċini kollha b’xejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti nifs ġdid lill-politika b’mod li l-poplu għal darb’oħra jerġa’ jkun kburi li huwa Malti.

Filmat: Erġa’ segwi l-attività politika sħiħa ta’ dalgħodu