Lokali

FILMAT: ‘Kien hemm Ministru ieħor involut’ – Chris Cardona dwar il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi

Il-Ministru Chris Cardona ppunta subajgħ lejn Ministru ieħor, meta kien mistoqsi dwar il-fatt li hu – bħala l-Ministru tal-Malta Enterprise – ta kuntratt lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi għall-paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar.

Ftit wara l-elezzjoni ġenerali – f’Settembru 2013 – kien ġie żvelat li l-mara ta’ Konrad Mizzi tpoġġiet bħala rappreżentanta tal-Malta Enterprise f’Shanghai. Ftit tal-ġimgħat wara li ngħatat din il-ħatra, Sai Mizzi ngħatat il-kariga ta’ Konslu għal Malta f’Shanghai. Kif kien ikkonferma l-Ministru George Vella f’intervista ma’ The Times of Malta f’Lulju 2015

Madanakollu, mistoqsi minn Pierre Portelli waqt l-intervista fuq il-programm Indepth li jixxandar fuq is-sit www.independent.com.mt, Chris Cardona qal li l-għażla tal-mara tal-Ministru Mizzi ma kenitx tiegħu biss, iżda, fi kliemu, effort kollettiv.

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista kellu jammetti wkoll li lill-mara ta’ Konrad Mizzi ma kienx jafha qabel l-elezzjoni, li tagħti x’tifhem li l-għażla tagħha għall-paga ta’ €13,000 fix-xahar ma kenitx waħda minħabba l-esperjenza tagħha, iżda proprju għax hi l-mara tal-Ministru Mizzi.