Lokali

Żewġ uffiċjali tal-ħabs jinstabu pożittivi għad-droga

Żewġ Uffiċjali ġodda tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-jiem li għaddew irriżultaw pożittiv minn testijiet tal-urina għal skop jekk kienux abbużaw mid-droga fis-sigħat ta’ qabel.

Il-gazzetta il-mument żvelat li uffiċjal  jidher li rriżenja mill-kariga tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’mod immedjat, filwaqt li l-kollega tiegħu insista li t-testijiet ikunu estiżi għal aktar stħarriġ fil-laboratorju tal-Isptar Mater Dei. Madankollu anki dan it-tieni Uffiċjal tal-Faċilità kien sospiż minnufih mix-xogħol fil-Ħabs.

Il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali mmexxi mill-Ministru Carmelo Abela, madwar xahar ilu kien ftaħar li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet issaħħet b’54 Uffiċjal Korrettiv ġdid, fosthom erba’ nisa, li ħadu l-ġurament f’ċerimonja li saret fl-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja. Dan il-grupp, fil-parti l-kbira huwa magħmul minn Uffiċjali ta’ twemmin politiku Laburista.

Jirriżulta li fost l-abbużi riċenti hemm dawk marbuta mat-tqassim tas-sahra. Hemm Uffiċjali li minkejja l-ħafna diskors dwar flus, dawn xorta waħda baqgħu jieħdu sahra kemm iridu huma. Dan jikkontrasta ma’ dak li jingħataw f’sahra Uffiċjali Korrettivi oħrajn fejn illum qed jagħmlu sahra mill-inqas.

Uffiċjal Korrettiv li tkellem ma’ il-mument qal li t-tmexxija tal-ħabs għandha idha marbuta għaliex hemm ħafna indħil dwar liema Uffiċjali Korrettivi u Pulizija stazzjonati fil-ħabs jibqgħu jagħmlu volum qawwi ta’ sahra u oħrajn jingħataw sahra mill-inqas.