Is-sewwieq Ġermaniż, Sebastian Vettel tal-Ferrari rebaħ l-ewwel Grand Prix ta’ dan l-istaġun li sar fl-Awstralja.
Għal Vettel, li fil-karriera tiegħu rebaħ il-kampjonat erba’ darbiet, din kienet l-ewwel rebħa tiegħu sa minn Settembru tal-2015 meta dakinhar kien rebaħ il-Grand Prix ta’ Singapore.
Il-Ħadd hu għeleb l-isfida tal-koppja tal-Mercedes Lewis Hamilton u Valterri Bottas li daħlu fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Tajjeb wieħed jinnota li kien Hamilton li beda mill-pole position imma Vettel spiċċa qabżu u eventwalment rebaħ l-ewwel tellieqa tas-sena.
Din ir-rebħa li kiseb Vettel kienet prova ċara li grazzi għar-regoli l-ġodda d-dominju tal-Mercedes se jidher li se jintemm.
Sa mill-bidu tagħha din it-tiġrija kienet tidher li kienet se tkun taqtgħa bejn Vettel u Hamilton. Vettel mill-ewwel beda jitfa’ il-pressjoni fuq Hamilton fejn dan tal-aħħar kellu jidħol fil-pit-stop biex ibiddel it-tyres.
Minkejja li l-pit-stop kienet waħda formidabbli, Hamilton sab quddiemu lill-Olandiż Max Verstappen tar-Red Bull bil-konsegwenza li ma setax jaċċellera.
Konsegwenza ta’ dan, wara li Sebastian Vettel daħal fil-pit-stop, fit-23 dawra, huwa sab it-triq vojta quddiemu biex qabeż fl-ewwel post, b’Hamilton ikun frustrat fit-tielet post sakemm kien imiss lil Verstappen jidħol fil-pit-stop.
Iżda ġara li Vettel laħaq bena vantaġġ sostanzjali fuq Hamilton li baqa’ jżomm sal-aħħar biex eventwalment xeħet lill-partitarji tal-Ferrari f’dellirju ta’ ferħ biex din kienet it-tmien darba li t-team Taljan rebaħ fl-Awstralja, bl-ewwel waħda tasal, fl-1987, minn Gerhard Berger.
Is-sewwieq l-ieħor tal-Ferrari Kimi Raikkonen spiċċa fir-raba’ post filwaqt li Daniel Ricciardo tar-Red Bull, is-sewwieq li kien qed isuq quddiem il-pubbliku tiegħu stess kellu jum negattiv għax kien sfurzat jirtira wara 30 dawra. Sewwieq ieħor li ma tantx kellu bidu tajjeb dan l-istaġun kien dak tal-McLaren Fernando Alonso li wkoll kellu jirtira.
Ta’ min jiftakar ukoll li f’din it-tellieqa kien hemm nieqes iċ-champion renjanti Nico Rosberg li fi tmiem l-istaġun li għadda rtira mill-isport u b’hekk fi tmiem dan l-istaġun hu żgur il-fatt li se jkollna champion ġdid.
Kif spiċċaw:
1. Sebastian Vettel, Ferrari, 1:24:11.670
2. Lewis Hamilton, Mercedes, +9.975s
3. Valtteri Bottas, Mercedes, +11.250s
4. Kimi Raikkonen, Ferrari, +22.393s
5. Max Verstappen, Red Bull, +28.827s
6. Felipe Massa, Williams, + 83.386s
7. Sergio Perez, Force India, +1 lap
8. Carlos Sainz, Toro Rosso, + 1 lap
9. Daniil Kvyat, Toro Rosso, + 1 lap
10. Esteban Ocon, Force India, +1 lap
11. Nico Hulkenberg, Renault, + 1 lap
12. Antonio Giovinazzi, Sauber, +2 laps
13. Stoffel Vandoorne, McLaren, +2 laps
14. Fernando Alonso, McLaren, DNF
15. Kevin Magnussen, Haas, DNF
16. Lance Stroll, Williams, DNF
17. Daniel Ricciardo, Red Bull, DNF
18. Marcus Ericsson, Sauber, DNF
19. Jolyon Palmer, Renault, DNF
20. Romain Grosjean, Haas DNF