It-termini ta’ inkjesta li l-Prim Ministru ppubblika erba’ ġimgħat wara li ħatar l-inkjesta qed iqajmu bosta dubji. Dan peress li dawn it-termini mhumiex iffirmati, kif ukoll ma ġewx ippubblikati fuq letterhead, kif jiġri f’okkażjonijiet bħal dawn.
Il-każ hu dwar l-indħil politiku minn żewġ Ministri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat fi traffikar tad-droga f’Għawdex. F’lejl ta’ Ottubru 2013, żewġ Ministri tal-Gvern ltaqgħu ma’ missirijiet ta’ traffikanti tad-droga wara li kien hemm statement quddiem il-Pulizija li jindika li s-subien ta’ dawn iż-żewġ missirijiet bħala traffikanti tad-droga. Wara din il-laqgħa, l-istatement inbidel u ma ttieħdu ebda passi kontra dawn iż-żewġ individwi.

Inkjesta li mill-bidu bdiet bil-problemi
Malli faqqa’ dan l-iskandlu, il-Prim Ministru qal li se jaħtar inkjesta biex jinvestiga dak li ġara, iżda din mill-bidu bdiet bl-intoppi. L-ewwel ħatar lill-Avukat Frank Testa biex jagħmel din l-investigazzjoni, iżda wara li rriżulta li dan jappoġġja lill-Partit Laburista b’mod apert anke fuq il-midja soċjali, dan talab biex jirrinunzja minn din l-inkjesta. Imbagħad, il-Prim Ministru ħatar lill-eks kandidat Laburista John Vassallo biex jagħmel din l-inkjesta waħdu.
Minn dakinhar, il-Partit Nazzjonalista saħaq kemm-il darba biex il-Prim Ministru jippubblika t-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta, kif ukoll id-data ta’ meta l-inkjesta għandha titlesta. Aktar kmieni din il-ġimgħa – xahar wara li faqqa’ l-iskandlu – il-Prim Ministru qal li d-data ta’ meta għandha titlesta l-inkjesta ġiet estiża għall-5 ta’ April, filwaqt li l-Ġimgħa filgħaxija li għadda ppubblika t-termini ta’ referenza.
Madanakollu, il-pubblikazzjoni tat-termini ta’ referenza toħloq dubju kbir dwarhom u dan minħabba tliet raġunijiet prinċipali: ma jinkludux firma, ma jinkludux isem ta’ min għamilhom u ma jinkludux letterhead. Meta wieħed iqabbel dawn it-termini ta’ referenza ma’ dawk dwar il-każ tal-Capital One, wieħed jista’ jinduna faċilment, li dik tal-Capital One kienet tinkludi kemm firma, kemm isem ta’ min kitibhom kif ukoll letterhead tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru – tliet punti li huma neqsin fit-termini ta’ inkjesta dwar il-każ tal-indħil miż-żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex.
Liema Ministru għandu aċċess għall-Ministeru għal Għawdex?
Il-mistoqsija li qed jagħmel kulħadd, u li l-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-Prim Ministru għandu jwieġeb hi: min huma ż-żewġ Ministri li kienu nvoluti f’din il-laqgħa?
Sa issa, l-Ministru Anton Refalo, li hu l-Ministru għal Għawdex, kif ukoll il-Ministru Manuel Mallia, li dakinhar kien il-Ministru responsabbli mill-Pulizija, ċaħdu l-involviment tagħhom f’dan il-każ. Anke s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet li kienet involuta, wara li xxerdet ittra anonima li kienet timplikaha u lill-Maġistrat Grezzju Mercieca.
Madanakollu, bosta persuni qed jistaqsu kif – ladarba Anton Refalo qed jiċħad li hu wieħed mill-politiċi involuti – liema politiku għandu aċċess għall-Ministeru għal Għawdex, tant li seta’ daħal bil-lejl fil-Ministeru għal Għawdex biex jiltaqa’ ma’ Ministru ieħor u missirijiet ta’ traffikanti tad-droga.
Kif ġie żvelat fil-Maltatoday, it-tieni Ministru li kien preżenti għal din il-laqgħa ttieħed lejn il-Ministeru għal Għawdex bi skorta, jiġifieri l-fatti kollha jistgħu jiġu stabbiliti billi wieħed jara min, mill-Ministri, dakinhar kellu skorta, kif ukoll filmati tas-CCTV tal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Prim Ministru, iżda, minkejja li l-midja u l-Partit Nazzjonalista qed jistaqsu min huma dawn iż-żewġ Ministri, qed jibqa’ jinħeba wara l-inkjesta, u dan minkejja li hu, bħala Prim Ministru, kellu jsejjaħ għall-Ministri kollha tiegħu u jistaqsihom jekk kienux huma li ltaqgħu mal-missirijiet tat-traffikanti tad-droga, u li wara l-laqgħa nbidel l-istatement.
//= $special ?>