L-istorja tal-Maltatoday dwar donazzjonijiet minn db Group lill-Partit Nazzjonalista hija gidba, b’ċifri vvintati mill-bidu sal-aħħar, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.
Nhar il-Ġimgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista giddeb lill-Partit Laburista li kien qed jivvinta ċifri ta’ donazzjonijiet li ngħataw lill-Partit Nazzjonalista. Minkejja ċ-ċaħda kategorika tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-gazzetta Maltatoday irrepetiet din l-istess gidba b’leak li, bla dubju ta’ xejn, ġiet minn Kastilja.
L-istqarrija tkompli li l-Partit Nazzjonalista ma kienx mistoqsi dwar din l-istorja qabel ġiet ippubblikata. Għalhekk ma setax igiddeb din l-istorja qabel ġiet ippubblikata.
“F’temp ta’ ftit ġimgħat, żewġ leaks ta’ Kastilja ġew imgiddbin bil-fatti. Ix-xahar li għadda kien hemm il-gidba dwar min hu s-sid tal-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant, u llum hemm il-gidba dwar id-donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista” tkompli tgħid l-istqarrija.
“Din hi l-politika maħmuġa ta’ Joseph Muscat. Jagħti leaks ivvintati lill-gazzetti biex mingħalih iħammeġ lill-Partit Nazzjonalista. Pero’ d-differenza bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil qed toħroġ aktar minn qatt qabel: Muscat mixtri fil-but ta’ ma’ min għamel id-deals korrotti qabel l-elezzjoni, waqt li Simon Busuttil dejjem jitkellem u jaġixxi fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>