Lokali

KORRUZZJONI FL-FTS: Investigat anke s-Segretarju Permanenti

L-iskandlu ta’ korruzzjoni fil-Ministeru ta’ Evarist Bartolo qed ikompli jikber hekk kif The Sunday Times of Malta żvelat li issa anke s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru qed jiġi investigat. Is-Segretarju Permanenti Joseph Caruana hu ħu Edward Caruana, l-canvaser tal-Ministru Bartolo li qed jiġi akkużat b’korruzzjoni kbira fil-ħruġ tat-tenders tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, b’attenzjoni partikolari għall-fatt li hu kien jieħu l-pagamenti b’mod personali lill-kuntratturi.

Illum qed jiġi żvelat li l-Pulizija qed tinvestiga email li għaddiet minn Joseph Caruana lil ħuh, Edward Caruana. Din l-email – mibgħuta fl-2015 – qed tpoġġi dell ġdid fuq l-investigazzjoni kriminali li qed issir mill-Pulizija. Din l-email kienet waħda kunfidenzjali u ma kellha qatt tintbagħat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni lilf impjegat tal-FTS – li jiġu ħuh.

Il-korrispondenza kienet dwar dewmien ta’ pagament ta’ €400,000 lill-kuntrattur Avantgarde dwar xogħol fl-iskola ta’ San Injazju Ħal Qormi. Dakinhar, il-bord tal-FTS kien qed jikkontesta dan il-ħlas.

Fil-korrispondenza, ċ-Chairman tal-Bord ta’ dakinhar Samuel Formosa, informa lis-Segretarju Permanenti Joseph Caruana bid-deċiżjoni tal-Bord biex jinħatar working group biex tiġi riżolta din is-sitwazzjoni. Dan wara diskrepanzi kbar fid-dokumentazzjoni li ppreżenta l-kuntrattur Avantgarde.
Fit-tweġiba tiegħu, is-Segretarju Permanenti rrifjuta din it-talba u qal li hu inaċċettabbli li Avantgarde jdum aktar biex jitħallas, u ta ordni biex isir il-ħlas minnufih. Minuta wara li bagħat din l-email, Joseph Caruana bagħat l-email lil ħuh bħala waħda ‘urġenti’ u ‘kunfidenzjali’. F’din l-email, il-Ministru Evarist Bartolo ma kienx ikkuppjat.

Fl-istess żmien meta seħħ dan il-każ, Edward Caruana bena blokka ta’ appartamenti fir-Rabat mingħajr ma ssellef mill-bank. Issa, l-investigazzjoni tal-Pulizija qed tkompli tikber hekk kif fix-xena daħal ukoll ħu Edward Caruana, li hu s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru.

Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet ta’ The Sunday Times, Evarist Bartolo ma qalx jekk kienx jaf li s-Segretarju Permanenti kien informa lil ħuh dwar dawn il-pagamenti.

Dan il-każ kien ġie żvelat wara li feġġew emails u korrispondenza permezz ta’ SMS bejn l-eks Kap Eżekuttiv tal-FTS Philip Rizzo u l-Ministru Bartolo, fejn Rizzo kien informa lill-Ministru b’dak li kien qed jagħmel il-canvaser tiegħu.

Din il-ġimgħa, Evarist Bartolo qal li l-Pulizija kienet għadha ma sejħitlux biex jagħti l-verżjoni tiegħu dwar dan il-każ.