Lokali

KRIŻI F’IDENTITY MALTA: 25% ta’ kampjun għandhom aktar minn ID Card waħda

The Malta Independent on Sunday żvelat li f’kampjun ta’ 300 persuna, 80 minnhom għandhom aktar minn karta tal-identità waħda. Kien il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Parlament għamel referenza għal din il-kriżi fejn żvela li hemm individwi li ngħataw aktar minn karta tal-identità waħda, b’isem uħud minnhom jidher imniżżel aktar minn darba fir-reġistru elettorali.

Jirriżulta, skont The Malta Independent, li Identity Malta – l-aġenzija li ħoloq Joseph Muscat malli laħaq Prim Ministru – qed tara s-sistema tal-ID Cards tfalli, sena waħda biss qabel l-elezzjoni ġenerali. Il-gazzetta tagħmel referenza għal rapport intern li jindika li minn kampjun ta’ 300 persuna fuq ir-reġistru tal-karti tal-identità, instab li 80 minnhom għandhom aktar minn karta tal-identità waħda, waqt li hemm 5 persuni li saħansitra għandhom 3 karti tal-identità. Dawn tal-aħħar huma individwi mill-Eġittu, t-Tuneżija, u l-Awstralja.

Dalgħodu ġie żvelat ukoll li l-problema tant kemm hi kbira li kellha tissejjaħ inkjesta interna li stabbiliet li l-uniku mod kif tiġi identifikata kemm din il-kriżi hi kbira hi li jitqabblu r-ritratti kollha tan-nies kollha li għandhom karti tal-identità, li jammontaw għal madwar nofs miljun.

Fil-fatt, skont The Malta Independent, dak li rrefera għalih Beppe Fenech Adami fil-Parlament hu farka żgħira tal-kriżi kbira u l-kollass li hemm f’Identity Malta. Tant hu hekk, li l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Joe Vella Bonnici, li hu wkoll eks kandidat tal-Partit Laburista, jinsab imħasseb ħafna bis-sitwazzjoni, u kien għalhekk li ssejħet din l-investigazzjoni interna. Kien għalhekk li ftit tal-ġimgħat ilu ttieħed kampjun ta’ 300 persuna biex jiġi stabbilit kemm hi kbira din il-kriża, u rriżulta li kwart ta’ dawn il-persuni għandhom aktar minn karta tal-identità waħda.

Nhar il-Ħamis filgħaxija, l-Prim Ministru ġie mistoqsi mill-ġurnalist ta’ netnews.com.mt dwar x’passi se jieħu wara dak li żvela Beppe Fenech Adami fil-Parlament, iżda l-Prim Ministru, flok qal li se jieħu azzjoni, qal li Identity Malta għandha taġixxi hi.