Tlett ijiem oħra, propju bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, San Ġiljan se jkun iċ-ċentru tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew – l-akbar laqgħa tal-akbar familja politika fl-Ewropa – kungress li se jiltaqa’ f’Malta fuq stedina tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-Kungress huwa avveniment kbir ħafna, b’xhur twal ta’ tħejjijiet u preparamenti. F’dawn il-jiem qabel jibda l-Kungress, ma taqta’ xejn il-ħidma biex dak kollu li kien ilu ppjanat, jibda jagħqad flimkien.
Waqt il-Kungress se jkun imfassal il-programm politiku u ta’ ħidma tal-Partit Popolari Ewropew bl-iskop li anke jkun imfassal il-futur tal-Unjoni Ewropea stess, peress li l-Partit Popolari Ewropew huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. It-tema tal-Kungress li se jsir f’Malta hija ‘Securing Europe’s Future’.
Fuq Twitter, il-Partit Popolari Ewropew qal li l-Ħadd filgħodu wasal l-ewwel team tal-Kungress, u bħalissa t-tħejjijiet ta’ xhur twal qed jingħaqdu flimkien qabel ma jibda l-Kungress nhar l-Erbgħa li ġej, u qabel jibdew jaslu d-delegazzjonijiet minn kull kantuniera tal-Ewropa.
✈️ First #EPPMalta Congress team has landed in 🇲🇹. Preparations are at full speed 🛠🔩 & we look forward to the kick-off. #WeAreFamily pic.twitter.com/2hOh6NJfV9
— EPP (@EPP) March 26, 2017
Għall-kungress se jattendu aktar minn 2,500 parteċipant, fosthom 760 delegat tal-Partit Popolari Ewropew minn madwar 40 pajjiż Ewropew. Se jattendu wkoll 12-il Kap ta’ Gvern u mijiet fuq mijiet ta’ ġurnalisti minn madwar l-Ewropa kollha.
Ma setax jonqos li waqt l-attività politika ta’ dalgħodu fil-Mellieħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jirreferi għal dan il-kungress.
“Din il-ġimgħa se nkomplu nuru kif aħna kapaċi nagħmlu isem tajjeb għal pajjiżna” qal Simon Busuttil fl-indirizz tiegħu. “Se nuru li fiċ-ċokon ta’ pajjiżna, kapaċi nuru li aħna ferm akbar mid-daqs ta’ pajjiżna” żied jgħid Simon Busuttil.
Fost il-mexxejja Ewropej li se jattendu l-Kungress hemm il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy. Dawn apparti l-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li wkoll huma parti mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista Malti huwa membru.
Jattendi wkoll Joseph Daul, il-President tal-Partit Popolari Ewropew, li f’artiklu miktub b’mod konġunt ma’ Simon Busuttil fuq The Sunday Times of Malta qal li l-Kungress se jkun qed iħares b’ottimiżmu lejn il-futur tal-Ewropa, bl-istess mod kif il-Partit Nazzjonalista Malti ħares b’ottimiżmu lejn l-iżvilupp ta’ Malta matul is-snin li fihom mexxa l-pajjiż.
Working hard 💪 together with @PNmalta to have a successful #EPPMalta congress on 29-30 March pic.twitter.com/fFLNz9mB0F
— EPP (@EPP) March 26, 2017
Media.Link Communications b’servizzi speċjali matul il-Kungress tal-PPE f’Malta
Fl-okkażjoni tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, Media.Link Communications se tkun qed tipprovdi servizzi speċjali fuq il-media kollha tagħha bi programmi speċjali nhar l-Erbgħa u l-Ħamis fuq NET Television. L-Erbgħa jixxandar programm speċjali li jibda fis-1.15 ta’ waranofsinhar u li jibqa’ għaddej sal-10.30 ta’ filgħaxija.
Il-Ħamis, il-programm speċjali jibda fid-9.30 ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej sat-3.30 ta’ waranofsinhar. Dan apparti aġġornamenti kontinwi fuq Radio 101 u l-paġna ta’ NET News fuq Facebook. Ma jonqsux rapporti dettaljati ta’ dak kollu li jkun intqal fil-laqgħa kollha tal-Kungress fil-ħarġiet ta’ In-Nazzjon tal-Ħamis u l-Ġimgħa.
//= $special ?>