Dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żar il-Juventus Club Vero Amore ta’ Birkirkara waqt open day li organizza dan il-club biex ilaqqa’ l-membri tiegħu.
Simon Busuttil kien akkumpanjat minn David Agius, il-Kelliem għall-Gvern Lokali, iż-Żgħażagħ u l-Isport.
Huma ddawwru mal-club mill-President Joe Fenech u l-ltaqgħu mal-membri li kienu qed jipparteċipaw f’diversi attivitajiet li kienu organizzati fosthom tournament tal-Playstation li fih ħadu sehem 52 parteċipant.
Ankè l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u s-Sur Edgar Preca żaru l-open day ta’ dan il-club u ankè ltaqgħu mal-Kap tal-PN Simon Busuttil.
L-open day kienet organizzata f’ġurnata li matulha ma kienx hemm logħob fuq livell ta’ club minħabba l-partit internazzjonali mill-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Bħala parti mill-attivitajiet fi Triq Madre Maria Tereża Spinelli quddiem il-club saret wirja ta’ karozzi klassiċi li wkoll attirat numru sabiħ ta’ nies.
Il-Juventus Club Vero Amore beda fl-1975 f’post fil-Belt Valletta sakemm fl-1997 mar għall-post li għandu llum f’Birkirkara.
Dan il-club għandu aktar minn 1,000 membru.
//= $special ?>